Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Transport Malta, għaddej b’ħidma biex iwessa’ Triq in-Naxxar f’Ħal Lija u jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku għal eluf ta’ sewwieqa li jgħaddu minnha kuljum.
Madwar 2,400 vettura fis-siegħa jgħaddu minn din it-triq kull filgħodu biex jaslu mill-Mosta lejn Ħal Lija, Birkirkara u Triq Dun Karm (Birkirkara bypass), jew bil-kontra. Bħalissa, partijiet minn din l-arterja prinċipali mhumiex wiesgħa biżżejjed biex jilqgħu għal dan it-traffiku.
Permezz tax-xogħol li beda f’dawn l-aħħar jiem, Transport Malta qed toħloq karreġġjati ġodda, b’waħda minnhom maħsuba biex mill-Mosta u n-Naxxar tkun tista’ tibqa’ għaddej dritt lejn Triq Dun Karm (Birkirkara bypass) mingħajr ma tieqaf mar-roundabout. Ix-xogħol li għaddej bħalissa jinkludi ċ-ċaqliq tal-ġnub tat-triq, kisi mill-ġdid ta’ din il-parti tat-triq u titjib mad-dawra tar-roundabout sabiex jiffurmaw il-karreġġjati l-ġodda.
Din il-ħidma mistennija wkoll ittejjeb l-aċċess minn u lejn il-lokalitajiet ta’ Ħal Lija, l-Iklin u oħrajn viċin, għar-residenti tal-inħawi.
Filwaqt li x-xogħol qed isir fiż-żmien tas-sena li jħalli l-inqas impatt fuq it-traffiku, ser jittieħdu wkoll miżuri sabiex ma jiġux affettwati l-festi tar-raħal u avvenimenti oħra fl-inħawi.
Ix-xogħol meħtieġ mistenni jitlesta f’Awwissu.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg, spjega li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser jitħabbru aktar xogħlijiet maħsuba apposta biex itejbu għadd ta’ ħoloq ewlenin fis-sistema tat-toroq tal-pajjiż.
“Nifhmu li kull minuta fit-traffiku hija ħela ta’ ħin għal kulħadd,” qal Dr Borg, “qed inħarsu lejn kull post li fih għandna diffikultajiet, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu u tard waranofsinhar u niddentifikaw soluzzjonijiet li jnaqqsu d-dewmien. F’xi inħawi, bħall-junction tal-Marsa, neħtieġu proġetti kapitali kbar li qed naħdmu fuqhom diġà. Madankollu, hemm postijiet oħra fejn bi ftit investiment nistgħu niksbu titjib kbir fi żmien qasir. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser inħabbru aktar proġetti bħal dan ta’ Triq in-Naxxar. Qed ninsisti mal-awtoritajiet responsabbli li fejn hemm soluzzjonijiet viabbli jeħtieġ inwettquhom malajr kemm jista’ jkun.”