Id-deputat Nazzjonalista Chris Said emfasizza fuq il-fatt li huwa għandu esperjenza vasta fil-Partit Nazzjonalista, u dan jagħmlu l-kandidati ideali għal kariga tal-Kap tal-istess Partit.
Waqt it-tnedija tal-kampanja bit-tema ‘Flimkien Nissaħħu biex Nirbħu’, Said qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux lok għal dak li sejjaħ honeymoon period jew learning curve, iżda jeħtieġ li tibda l-ħidma mill-ewwel.
Meta mistoqsi dwar Franco Debono, jekk huwiex kapitlu magħluq fil-viżjoni tiegħu, Said żamm ‘il bogħod milli jwieġeb, iżda qal li l-bieb tal-Partit se jkun miftuħ għal dawk li huma onesti u li jridu jaħdmu għal pajjiżhom u mhux għalihom infushom.
Dwar ir-rikors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kontra c-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi, huwa qal li jekk ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkompli jieħu azzjonijiet simili jekk tinħass il-ħtieġa.
Iddikjara ċar u tond li għall-elezzjoni li jmiss irid li l-Partit Nazzjonalista jikkontesta waħdu u bla ebda koalizzjoni, filwaqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista tilef il-polz li kellu fuq il-poplu u saħansitra “għaffiġha wkoll”.