Id-deputat Marlene Farrugia qalet li sa issa mhemmx kandidat tajjeb minn fost dawk li ippreżentaw isimhom għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel jum li fetħu n-nomini u f’mument fejn il-kandidati kkonfermati huma tlieta Marlene Farrugia kitbet li biex l-oppozizzjoni tkun b’ saħħitha jeħtieġ ikun hemm mexxej b’ saħħtu li jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista u jibni il-pontijiet ma’ kull saff tas-soċjetà.
“Sa issa ma feġġ ħadd li jidher li jista’ jagħmel dan u dawk li hemm wara l-kwinti jaħsbuha u li nafu bihom huma non-starters ukoll,” qalet Farrugia li żiedet li l-aħjar fiċ-ċirkostanzi li li l-PN ibiddel l-istatut halli l-Kap jagħżluh il-membri kollha mill-ewwel u mhux jibdew bl-għażla l-Kunsillieri biss .
Hekk jigi evitat aktar sfreġju u jinqatgħu l-klikek li qed ikomplu jifnu lill-partit.
Marlene Farrugia trid li Simon Busuttil jew interim leader jibqa’ jmexxi sakemm il-PN ibiddel l-istatut u l-istrutturi inkluż it-tesserament.
Kull kandidat, kunsillier jew deputat PN għandu jkollu l-opportunità li jikkontesta, kemm jekk hu membru u kemm jekk mhuwhiex. “Din ċucata kbira li jekk hemm xi ħadd kapaċi jitħalla barra għax mhux membru, ġa la darba jkun pprova lilu nnifsu fil-mument tal-prova,” qalet Marlene Farrugia li tenniet li ħolqot il-PD biex isservi lill-pajjiż.
“Jeħtieġ kuraġġ kbir biex l-Oppożizzjoni, sa issa magħmula minn żewġ partiti, tiehu l-passi li hemm bżonn tieħu,” qalet Farrugia.