Minkejja li issa qed jgħid li mhux se jerġa jikkonesta għall-ħatra ta’ Kap, Simon Busuttil irid li min jilħaq minfloku jkun negattiv bħalu u daqsu. Dan qalu l-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-PN, Simon Busuttil, f’kollegament telefoniku fuq Radio 101.
Il-PL qal li Simon Busuttil għamilha ċara li dan il-proċess għandu jattira nies li jibqgħu jiġġeldu, kif għamel hu tul il-leġislatura li għaddiet u se jibqa jagħmel sakemm jibqa Kap.
Saħansitra qal li hu stess se jibqa jiġġieled anke jekk ikun biss ċittadin privat u għalhekk heġġeġ li l-għażla ta’ Kap ġdid taqa fuq persuna li għandu l-kuraġġ li jibqa jgħid lill-Gvern: “jien ma nibżax minnek”.
L-istqarrija tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma fehemx li l-politika m’hijiex dwar ġlied u min se jbeżża lil min. Dan l-istil negattiv u aggressiv diġa ġie għal kollox imwarrab mill-poplu b’saħħa storika.
Il-PL temm jgħid li pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni serja u kostruttiva li tikkontribwixxi b’ideat għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin.