Kitba ta’ Rachel Powell
Il-fotografija hija arti partikolari mmens. Hi ħafna aktar milli sempliċiment tieħu ritratt. Tgħinek tieqaf, tosserva, taħseb u tifhem. Għal David Grima żagħżugħ ta’ 21 sena, student fir-raba’ sena tal-kors tal-Mediċina, il-fotografija tagħtih il-possibilità li juża kif irid, kemm b’mod astratt u kemm b’mod iktar viċin ir-realtà li ngħixu fiha.
Huwa beda jesplora din l-arti minn meta kien fis-sekondarja. “Ħassejt li kelli certu vojt meta niġi biex nesprimi ruħi; inħoss li ċertu ħsibijiet nista’ nesprimihom bir-ritratti ħafna aktar milli jien kapaċi bil-kliem jew b’modi oħra.” Grima jgħid li għandu interessi varji li jinkludu l-bijoloġija, il-kimika u l-fiżika, l-ispazju, il-baħar u l-art. Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala idealist u xi ftit ċiniku b’mumenti ta’ nikiliżmu.
“Kienet kontinwazzjoni naturali li fl-arti ngħaqqad ix-xogħol professjonali u nesplora dimensjonijiet ġodda minħabba l-ħin li ngħaddi mgħaddas fihom. L-arti u x-xjenza għandhom dejjem ikunu mżewġin. Fil-fatt naraw li ħafna xogħlijiet fix-xjenza huma arti fihom innifishom u bl-istess mod, ħafna xogħlijiet tal-arti huma dipendenti jew influwenzati mix-xjenza.”
Din mhix l-ewwel darba li Grima qed jesibixxi x-xogħol tiegħu. Infatti kien esibixxa ammont ta’ ritratti fil-proġett bl-isem ta’ Linji Sfużi li twettaq flimkien mal-kittieba Clifford Jo Zahra u Ancel Cefai u l-koordinatur James Spiteri. Il-proġett kien jittratta dwar Tas-Sliema, fejn ġew osservati l-karattri ta’ nies li jiltaqgħu f’dan il-post f’kuntesti differenti. “Bdejna minn street photography, inkitbu stejjer fittizji ispirati mill-karattri u r-ritratti, u wara din il-fażi, komplew inħolqu aktar ritratti li jirriflettu t-temi u l-ħsibijiet tal-kitba.”
“Clifford huwa ħassieb. Wara l-ħidma twila flimkien waqt Linji Sfużi, ħassejt li l-idea li kelli f’moħħi għall-proġett ma kinitx tkun kompluta mingħajr il-kitba, partikolarment il-kitba bil-Malti. Il-mod kif Clifford kapaċi jesprimi ħsibijiet fi kliem tikkumplimenta ħafna x-xogħlijiet f’Arbanġ. Inħoss li hemm ċerta armonija fil-ħidma tagħna flimkien, diżordni ta’ tnejn li tingħaqad flimkien biex issir ħaġa waħda f’armonija fiha nnifisha.”
Mistoqsi għaliex l-esibizzjoni ssemmiet Arbanġ Grima jispjega kif il-premissa tal-proġett titlaq minn imħabba personali lejn is-siġar u l-importanza u s-sbuħija tagħhom. “Arbanġ, nħolqot mill-kelma arbor, Latin għal siġra, u angeîon mill-Grieg tfisser reċipjent/kontenitur. F’Arbanġ is-siġar qed iservu mezz biex tinftiehem l-importanza tan-natura u tar-rwol tagħna fiċ-ċiklu tal-ħajja. Ix-xogħlijiet huma imsejsa f’kuntest lokali u Malti u għalhekk tiżdied it-tikka fuq il-g.
L-esibizzjoni ffurmat ruħha tul dawn l-aħħar sentejn, però l-pedamenti tqiegħdu iżjed qabel. “Kienet progressjoni naturali li ngħaqqad dak li qed nistudja ma’ dak li naf nesprimi ruħi bih. Kien waqt ġimgħa ta’ tagħlim dwar il-kirurġija li verament bdiet tinbena l-idea. In-Natura, il-Prostituzzjoni tal-Ambjent u l-Politika Maltija wkoll kellhom rwol importanti fl-oriġini tal-esibizzjoni.”
Għal min forsi mhux midħla tal-arti u l-fotografija l-ewwel ħaġa li tiġih f’moħħu kif jara l-esibizzjoni hija s-sistema tan-nervituri jew forsi l-għeruq ta’ xi pjanti jew siġar li jagħtu idea ta’ network. It-tema tax-xogħlijiet hija waħda li tirrifletti x-xebh f’dak kollu li jeżisti, kemm dak li hu animat u dak li mhux ħaj għax fl-aħħar mill-aħħar kollox huwa magħmul mill-istess molekuli. Il-proġett għandu wkoll tema ambjentali, irridu dejjem nimxu mhux biss lejn żvilupp sostennibbli iżda wkoll lejn għajxien sostenibbli. F’Linji Sfużi l-proċess kreattiv beda minn osservazzjoni diretta tal-post u l-umani li jiltaqgħu fih. Arbanġ bdiet minn osservazzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna u r-rwol tagħna l-umani fil-bidliet li qed taffaċċja l-pjaneta tagħna. Kompliet timraħ fuq is-sinerġija bejn l-animat u l-inanimat u l-importanza tat-tnejn għal xulxin.
Iżda din l-esibizzjoni donnha fiha laqta ekoloġika. L-artist għandu messaġġ li jrid iwassal. “Il-pjaneta li ngħixu fuqha tmantnina u tipprovdilna dak kollu li għandna bżonn. U tagħmel l-istess għal biljuni ta’ organiżmi oħra. Pjaneta nnifisha hi sistema kompluta u indipendenti, b’numru kbir ta’ ċikli differenti li jagħtuha l-kapaċità li tbiddel, tifforma, tirriġenera u tgħajjex. Kull azzjoni għandha l-konsegwenzi tagħha – madwarna qed naraw ammont kbir ta’ abbużi u stuprar tal-ambjent għal raġunijiet ulterjuri – u dawn kollha qed iħallu impatt fuq id-dinja li tagħtina l-ħajja. Fi żmien ta’ avvanz kbir ta’ edukazzjoni u informazzjoni, xorta waħda għadna nagħmlu żbalji u ma nitgħallmux minnhom, frott l-għażż, il-flus, il-kumdità.”
Dan il-proġett hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti – Malta Arts Fund – u huwa parti mill-programm staġjonali ta’ Spazju Kreattiv. Bla dubju Grima jgħid li mingħajr dan is-sapport ma kienx ikun possibbli li tittella’ din l-esibizzjoni; u għalhekk jemmen li fondi bħal dawn huma importantissimi għas-settur tal-arti f’Malta, speċjalment meta tikkunsidra ċ-ċokon tagħna u invarjabbilment iċ-ċokon ta’ riżorsi.
L-esibizzjoni qed issir fi Spazju Kreattiv ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, fl-ispazji ta’ fuq. Miftuħa kuljum sat-13 t’Awwissu mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u s-1pm; is-Sibt u l-Ħadd bejn l-10am u s-1pm.