Il-Ministru tas-saħħa Chris Fearne ġie elett mid-delegati tal-Partit Laburista bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
Chris Fearne ġab il-50% u vot, kif jitlob l-istatut tal-Partit Laburista, li jispeċifika li l-kontestant li jakkwista l-maġġoranza assoluta ta’ 50% + 1 tal-voti validi mixħuta biex jiġi dikjarat elett. Fil-fatt, kienu 367 (51%) delegat li għażlu lil Chris Fearne bħala Deputat Mexxej tal-Partit minn 715 delegat li ivvota.
Matul il-jum tas-Sibt id-delegati tal-Partit Laburista ivvotaw għat-tieni darba, hekk kif il-Ġimgħa ebda kandidat ma kiseb il-50% u vot biex it-tellieqa kompliet bejn il-Ministru Fearne u l-Ministru Scicluna.
Din l-elezzjoni kienet meħtieġa wara li Louis Grech, illum konsulent tal-Prim Ministru fil-kabinett, ma kkontestax l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Fuq twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat awgura lid-Deputat Mexxej il-ġdid u qal li r-riżultat kien wieħed viċin. Dan hekk kif il-Ministru Scicluna ġab 348 (48%) vot, jiġifieri differenza ta’ 3%.
Huwa awgura ukoll lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għall-ħidma tiegħu.
Congratulations @chrisfearne on winning a very tight race to become Deputy PM. Great performance by @edward_scicluna. Proud of our team -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 15, 2017