It-Tlieta li ġej fit-8.30 se jkun qed jibda l-għadd tal-voti fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar biex isir magħruf min se jkun qed jieħu post Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew. Dan wara li s-siġġu tbattal minn Comodini wara li ġiet eletta fil-Parlament Nazzjonali fl-elezzjoni ġenerali.
Minkejja li qabel l-elezzjoni ġenerali kien sar ftehim li Therese Commodini Cachia ma taċċettax is-siġġu parlamentari anke tkun eletta, l-kritika enormi li qalgħet meta ħabbret din id-deċiżjoni uffiċjali waslet biex ikollha bidla fil-ħsieb u ddeċidiet li żżomm is-siġġu. Għalhekk, ladarba żammet is-siġġu fil-Parlament Malti, dak fil-Parlament Ewropew irid jimtela minn persuna oħra.
L-elezzjoni każwali se tkun qed tiddetermina min mis-sitt kandidati li qed jikkompetu bejniethom għal dan is-siġġu se jkun qed iservi fil-Parlament Ewropew.
Il-kandidati nominati huma: Raymond Bugeja, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Jonathan Shawn, Norman Vella u Francis Zammit Dimech.
Il-kandidat elett se jkun qed iservi f’din il-kariga sa’ Ġunju 2019, hekk kif imbagħad issir elezzjoni oħra tal-Parlament Ewropew.