Il-kantanta Lynn Faure, magħrufa fost ħafna bħala Lynn Chricop, użat Facebook biex tagħmel il-punt tagħha 13-il sena wara li hi wkoll ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest.
Dakinhar Lynn kienet kisbet riżultat mhux daqstant pożittiv u ħafna drabi sfat fil-mira ta’ kritika iebsa ħafna, forsi anke xi minn daqqiet mhux ġusta.
Għalhekk ma kinetx sorpriża li wara r-riżultat tas-Sibt tgħid tagħha hi wkoll. Dan anke għaliex meta l-festival sar Malta ma naqsux numru ta’ battuti, għalkemm dejjem saħqet li għandha rispett lejn il-kantanta. “Li kieku kien 100% televoting bħal ma kien fl-2003… b’16 –il vot Malta ġiet fil-21 post. Qaluli sew,” kitbet Lynn bid-diskussjoni mbagħad tissokta fuq il-Facebook tagħha.
“Aħna qlajna fuq wiċċna biss,” żiedet tikteb Lynn li talbet ukoll lill-eks ċerman tal-Eurovision biex ifakkarha kemm kellha budget meta rebħet hi.
Xi ħadd kitbilha li wieħed ma jistax iħallat illum ma’ 13–il sena ilu u dlonk it-tweġiba tagħha: “Mhux aħjar ma tikkummentax f’dak li għadek ma fhimtx.” Finalment Lynn iddikjarat li donnu l-mentalita tal-Maltin u l-midja inbidlet.
“Saru aktar sportivi u inqas persona kif dejjem kellu jkun. Bravi Malta u l-Maltin. Qed jitgħallmu bis-saħħa ta’ Ira,” temmet tiddikjara Lynn f’battuti maħsuba biex jinftehmu ma’ min għandhom jinftehmu, ta’ avukat li hi.