Is-sit tat-temp indipendenti FirstMalta rċieva ħafna mistoqsijiet dwar jekk it-temperaturi fl-aħħar ġranet kissrux rekords ta’ sħana, hekk kif bħalissa fuq l-internet għaddejja spekulazzjoni li t-temperaturi li esperjenzajna fl-aħħar jiem f’Malta jista’ jkun li kissru xi rekords.
L-Erbgħa 12 u l-Ħamis 13 ta’ Lulju kienu l-iktar jumejn b’temperaturi għoljin s’issa din is-sena, iżda t-temperatura hekk kif imkejla mit-termometru ma qabżitx it-38 grad Celsius.
F’Malta, skont statistika uffiċjali jidher li l-ogħla temperaturi li qatt telgħet kienet fid-9 ta’ Awwissu tal-1999, hekk kif it-temperatura fl-ajruport internazzjonali tkejjlet sa 43.8C.
Filwaqt li la qed nitkellmu fuq is-suġġett, l-inqas li qatt ġiet imkejla kien fid-29 ta’ Jannar tal-1981 hekk kif it-temperatura niżlet sa’ 1.4C
Tajjeb li niċċaraw ukoll li t-temperaturi jitkejlu fid-dell skont l-istandards tal-meteoroloġija u mhux fix-xemx diretta. Dan hekk kif ħafna nies jaraw temperaturi fil-karozza li jimmarkaw anke viċin il-45C, dawn ovvjament ikunu fix-xemx u t-temperatura titla’ b’mod allarmanti, iżda ma jgħoddux.
Mistoqsijiet oħra dwar it-temp jinkludu, id-differenza bejn l-Apparent Tempearture jew Feels like, jiġifieri kif tinħass it-temperatura meta mqabbla ma’ dik imkejla bit-termometru normali. Fl-aħħar snin ġew żviluppati mudelli matematiċi li jikkalkulaw kif il-bniedem iħoss is-sħana, hekk kif jieħdu in konsiderazzjoni kemm it-temperatura, l-intensità u d-direzzjoni tar-riħ u wkoll l-umdità. Pereżempju iktar ma tkun umdità iktar il-bniedem iħoss sħana anke jekk it-temperatura tkun l-istess, dan għax is-sħana ma tevaporax malajr anke jekk il-ġisem tal-bniedem jgħereq. Huwa għalhekk li ħafna servizzi tat-temp joħorġu żewġ temperaturi fit-tbassir tagħhom.