Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun għadha kemm ingħalqet il-votazzjoni għall-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
Għal din l-elezzjoni kienu seba’ mija sitta u ħamsin delegat eliġibbli biex jivvutaw. F’din l-elezzjoni hemm tlett kandidati li qed jikkontestaw; il-Ministru Helena Dalli, il-Ministru Chris Fearne u l-Ministru Edward Scicluna.
Sabiex wieħed minnhom illejla jieħu l-kariga, irid jikseb il-50% u vot tal-voti mixħuta. Kemm il-darba l-ebda kandidat ma jikseb dan, jiġi eliminat il-kandidat li ġab l-inqas ammont ta’ voti u b’hekk għada ssir it-tieni rawnd bejn iż-żewġ kandidati l-oħra.
Il-proċess tal-għadd tal-voti mistenni jibda dalwaqt fejn dan is-sit se jkun qed jaġġornakom bl-aħħar żviluppi b’rabta mar-riżultat.
Ma din l-elezzjoni ittieħed vot ta’ fiduċja fil-Mexxej Laburista Joseph Muscat, u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona b’hekk id-delegati kellhom tliet polozz tal-vot f’idejhom.