L-Assoċċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti flimkien mal-Awtorità Maltija għat-turiżmu laqgħu b’sodisfazzjoni d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-Diretturi l-ġdid tal-Air Malta. Bħala parti mill-ewwel deċiżjonijiet tal-Bord, ġie approvat li minn Novembru li ġej l-Air Malta se terġa’ tibda s-servizzi tagħha lejn Frankfurt b’erba’ titjiriet fil-ġimgħa fix-Xitwa u kuljum mis-Sajf li ġej.
L-MHRA qalet li l-Ġermanja hija wieħed mis-swieq prinċipali tat-turiżmu għall-gżejjer Maltin. Żiedet ukoll li l-ajruport ta’ Frankfurt huwa hub internazzjonali importanti, partikolarment għall-attivitajiet tal-Laqgħat, Inċentivi, Konferenzi u Avvenimenti (MICE) speċjalment fix-xhur tax-xitwa.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, qal li r-rotta lejn Frankfurt hija pass importanti ‘l quddiem. “Aħna nemmnu, mid-diskussjonijiet li kellna mal-Ministru Konrad Mizzi, li l-AirMalta miexja fid-direzzjoni t-tajba.” Huwa temm jgħid li jidher li l-Gvern huwa determinat li janalizza d-deċiżjonijiet meħuda fil-passat u jbiddel dawk li ma ħallewx l-effetti mixtieqa filwaqt li jsaħħaħ dawk li ħallew effett pożittiv fuq il-linja tal-ajru ta’ pajjiżna.
L-MTA ukoll kellha reazzjoni pożittiva ħafna għal din l-aħbar.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Paul Bugeja, qal li din id-deċiżjoni hija ta’ sinifikat importanti ferm għas-settur turistiku ta’ pajjiżna. Huwa spjega li l-ajurport ta’ Frankfurt huwa wieħed importanti hekk kif huwa wieħed mill-hubs Ewropej ewlenin.
“L-MTA hija sodisfatta li qed tara l-Air Malta terġa’ toffri s-servizzi tagħha lejn Frankfurt.”