Il-Prim Ministru qal illejla fil-Parlament li l-abbozz ta’ liġi li jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil persuni barranin li jkunu taw servizz eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta mhux intiż biex barranin jieħdu post il-Maltin iżda biex ikollna qabża ’l fuq.
Din mhix liġi għax il-Gvern m’għandux fiduċja fil-Maltin, mhux għax il-Maltin mhumiex kapaċi iżda biex jindirizza d-diffikultà ta’ nuqqasijiet tagħna bħala massa krtitika u twassal għal ċertu ammont ta’ talent.
Fil-każ tal-akkademja, qed jidher il-fatt li minħabba Brexit, nistgħu nattiraw lejn l-Università ta’ Malta nies ta’ kalibru li b’ċittadinanza nistgħu nirbħuhom milli jmorru r-Renju Uniti, l-Istati Uniti jew l-Irlanda. U meta persuni bħal dawn jiġu jgħallmu fl-Università tagħna, ir-ranking tagħha jisplodi ’l fuq.
B’din il-liġi, qal il-Prim Ministru, qed inżidu l-attrazzjoni ta’ pajjiżna.