“Ngħiduha kif inhi. Minn meta ħa r-riedni tiegħu f’idejh Joseph Muscat, il-Partit Laburista qatt ma’ ħares lura. Mill-Oppożizzjoni konna diġa’ bdejna nagħtu sinjali ċari lill-pajjiż li ma’ konniex biss biddilna l-leader imma biddilna l-mod kif naħsbu u naġixxu bħala Partit Laburista. Nedejna proġett.” Qal dan il-Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne permezz ta’ stqarrija
Hu spjega kif bil-mod u bil-għaqal “sirna moviment usa mill-partit, bdejna nattiraw nies li qatt ma’ raw għajn m’għajn mal-partit tagħna u bdejna nvaraw ideat ġodda li qabel ma’ konniex noħolmuhom.”
Fearne qal li bil-mod, anki mill-Oppożizzjoni l-partit beda jbiddel l-imħuħ u l-ħsibijiet. Minn partit b’sens ta’ inferjorita’, minn partit li kien isegwi u jirreaġixxi għal dak li kienu jagħmlu gvernijiet nazzjonalisti, saru wieħed kunfidenti li beda jfassal l-aġenda nazzjonali hu.
Sostna li n-nies segwew, emmnu fil-partit u taw l-fiduċja tagħhom. L-enerġija u l-entużjażmu tal-partit għamluhom tagħhom. Ir-riżultati jitkellmu waħedhom. Fl-2013 il-partit akkwista l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja.
“Bir-riedni tal-pajjiż f’idejna, dak li konna wegħdna bdejna nwettquh. Dak li ħaddieħor kien jgħidlu impossibbli għamilnih realta. Il-problemi li kienu ilhom imwaħħlin għal snin twal qridnihom. Ftaħna orizzonti ġodda f’kull qasam. Flimkien, spalla ma’ spalla mad-delegati tal-partit, tajna xhieda lill-pajjiż li l-Partit Laburita kien il-partit li jistħoqlu jmexxi l-pajjiż,” sostna Fearne.
Hu qal kif għal darba oħra, u issa bl-esperjenza ta’ erba’ snin ta’ gvern Laburista, il-poplu ftit ġimgħat ilu reġa’ ta l-fiduċja tiegħu, u b’maġġoranza storika oħra. Illum qed inħarsu flimkien lejn leġiżlatura oħra li fiha hu jinsab ċert li se jerġgħu jiksru r-rekords tagħhom stess. Fearne qal li jinsab ċert ukoll li dan is-suċċess elettorali mhux se jitla’ għal rashom. Se jibqa’ saqajh mal-art, umli, qrib il-votanti u fuq kollox qrib id-delegati tal-partit.
Hu qal li hu kburi li kien parti minn dan il-proġett mill-bidu nett. Iħares lura lejn dakinhar meta Joseph Muscat talbu jappoġġjah fit-tellieqa għat-tmexxija u hekk għamel bil-qalb u b’determinazzjoni. Mill-bidu kien konvint li kienu qed ivaraw proġett fit-tul, għal ġenerazzjoni sħiħa u mhux għal leġiżlatura jew tnejn.
Sostna li huwa dan il-proġett, it-tama u l-kuraġġ li ispira f’eluf kbar ta’ nies, li llum qed jixprunah jagħmel il-pass li jikkontesta għall-kariga ta’ Deputat Mexxej. Biex ikompli jagħti l-appoġġ, l-entużjazmu u l-enerġija kollha tiegħu biex dal-proġett jiġġedded għal-leġiżlatura li jmiss u dawk ta’ warajha. Għax dik kienet l-idea originali u hi għandha tibqa’ l-boxxla tal-partit.
“Ħaddieħor qal li xegħel fjamma. Imma kienet fjamma li mill-ewwel bdiet tnemem u llum kważi intfiet. Għall-kuntrarju, il-fjamma tagħna ilha hemm mill-bidu ta’ l-istorja ta’ dan il-parti. U qatt ma’ kienet tiddi daqs illum biex flimkien bħala partit u pajjiż naraw il-futur tagħna ċar daqs il-kristall. Biex naraw l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għal din il-ġenerazzjoni,” temm jgħid il-Ministru Fearne.