Il-Kamra tad-Deputati llelja bdiet tiddiskuti mozzjoni li tirringrazzja lill-President ta’ Malta għall-indirizz tagħha fil-ftuħ tat-13-il legislatura.
Meta ressaq il-mozzjoni f’isem id-deputat Laburista Rosianne Cutajar, id-deputat Stephan Zrinzo Azzopardi qal li d-diskors tal-president kien mimli ambizzjonijiet kbar, miri għolja u programm estenziv li jrid jiġi esegwit b’kuraġġ.
Huwa qal li dan kien imsejjes fuq erba’ prinċipji: mobilità soċjali, ġustizzja soċjali, ugwaljanza u għaqda nazzjonali. Dawn huma l-prinċipji ewlenin tal-programm elettorali tal-Partit Laburista li l-elettorat ta appoġġ storiku biex il-gvern imexxi lill-pajjiż ’il quddiem.
Il-Gvern dejjem ra li jagħti opportunità lil kulħadd billi ħa diversi miżuri li jkomplu jibnu dak li nkiseb fl-aħħar leġislatura. L-ekonomija qed tagħmel suċċess, toħloq ix-xogħol u ta għodod f’idejn in-nies biex jiksbu l-opportunitajiet li qed jinħolqu.
Naqas in-numru ta’ tfal li mhumiex jattendu l-iskola, kif ukoll in-numru ta’ familji f’riskju ta’ faqar u l-gvern kellu programm b’saħtu ta’ servizzi soċjali ġodda.
Huwa qal li trid tinstab soluzzjoni għal sentenzi tal-qrati li qed iwasslu biex anke anzjani jkollhom jevakwaw il-proprjetà fejn joqgħodu.
Dr Zrinzo Azopardi qal li l-għaqda hija waħda mill-elementi l-aktar meħtieġ u reġa’ wasal il-mument li jkollna fjamma ta’ għaqda nazzjonali.
Huwa rrefera għal konvezjoni kostituzzjonali u qal li din għandu jkollha l-għan li timmodernizza l-istituzzjonijiet u l-bidliet jgħaqqdu l-poplu.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus ressaq emenda fejn fost kollox qal li l-Oppożizzjoni se żżomm il-gvern taħt skrutinju biex tiżgura li l-wegħdi tiegħu jitweqqu mhux biss bil-kliem imma anke bil-fatti u tassigura li dan ikun gvern mhux biss tal-paroli iżda tal-fdatti, tal-verità u tal-inrteress nazzjonali.