Koperazzjoni sħiħa – vjolenza żero.
Dan huwa l-isem tal-proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed iwettaq il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Il-proġett jikkonsisti f’investiment ta’ madwar €350,000 u huwa mifrux fuq sentejn.
L-għan tal-proġett huwa li jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni multisettorali u multidixxiplinari b’tali mod li l-professjonisti jikkolaboraw u jirrispondu għall-vjolenza abbażi ta’ ġeneru.
Għaldaqstant, dan il-proġett jingħaqad mal-ewwel qari li sar fil-Parlament dwar il-liġi fuq vjolenza abbażi ta’ ġeneru li dwarha saret reviżjoni assoluta wara r-ratifika tal-konvenzjoni ta’ Istanbul.
Il-proġett li tnieda fil-bidu ta’ din is-sena, jiżviluppa u jimplimenta programmi ta’ taħriġ għal professjonisti minn setturi varji biex jagħtu servizz koordinat bil-għan li l-vittmi jkunu fiċ-ċentru tas-servizz.
Il-mira hija li f’sentejn jintlaqtu aktar minn ħames mitt professjonist li jaħdmu fir-rigward ta’ vjolenza kontra n-nisa u dik ibbażata fuq il-ġeneru.
Il-mira hija li f’sentejn jintlaqtu aktar minn ħames mitt professjonist li jaħdmu fir-rigward ta’ vjolenza kontra n-nisa u dik ibbażata fuq il-ġeneru.