Wara li intervjenew il-Papa u kif ukoll il-President tal-Amerika, Donald Trump, dawn iż-żewġ għajtiet servew bħala għajnuna biex Charlie Gard, tifel ta’ ħdax-il xahar li hu marid terminali, jinżamm ħaj.
Connie Yates, omm it-tarbija, sostniet li għalkemm iċ-ċans li jgħix huwa vera żgħir, qalet li Charlie xorta waħda għandu “ċans li jfieq.” Hi żiedet tgħid li mhix kapaċi tiċċassa u tara lil binha jsofri u ma tagħmel xejn.
Ommu qalet li għalkemm binha għandu marda mitokondrijali, xorta waħda kien kapaċi jitbissem anke meta kien muġugħ.
Hi tkellmet illum, dan hekk kif il-każ ta’ binha rritorna lura quddiem il-Qorti – dan fl-ismiegħ riċenti tal-ġlieda legali dwar jekk it-tifel għandux jitħalla jmur barra mill-pajjiż biex isirlu trattament esperimentali li l-ġenituri jemmnu li jista’ jsalvalu ħajtu.
Il-Papa Franġisku u kif ukoll Donald Trump tkellmu u wrew l-appoġġ tagħhom lejn il-ġenituri, ftit wara li tilfu l-appell tagħhom mal-European Court of Human Rights fl-aħħar ta’ Ġunju.
Wara dak li ġara, il-każ sar kwistjoni internazzjonali. Ommu qalet li taqbel li din il-possibiltà hi l-ikbar fattur li taf isservi ta’ għajnuna biex binha jingħata l-kura li għandu bżonn. “Hemm ħafna persuni li ma jridux jemmnu b’dak li qed jiġri.”
It-Tobba tal-Isptar f’Londra, Great Ormond Street, argumentaw dwar kif it-terapija li hi disponibbli fl-Istati Uniti x’aktarx mhux se sservi bħala għajnuna. Għalekk huma talbu biex jitfu l-magni li qed iżommuh ħaj u joffru l-għajnuna neċessarja lill-membri tal-familja, fejn qalu li huma jemmnu li trattament alternattiv jaf jikkawżalu aktar uġigħ.
Il-Qrati qabblu, iżda l-Ġimgħa li għadda l-isptar applika mal-Qorti Suprema biex il-każ jinstema’ mill-ġdid, dan wara li tobba mill-isptar tal-Vatikan sostna li data li mhix ippubblikata turi li terapija partikolati toffri l-possibiltà li ttejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ dak li jkun.
Omm it-tarbija ġabet eżempju bil-każ ta’ Ashya King, li l-każ tiegħu kien sar magħruf internazzjonali meta l-ġenituri ħaduh mill-isptar mingħajr il-permess tat-tobba fl-2014. Huma ġew arrestati fi Spanja iżda aktar tard rebħu u ngħataw il-permess li jieħdu lit-tifel tagħhom biex jirċievi l-kura neċessarja fir-Repubblika Ċeka, dan minħabba li l-istess trattament ma kienx disponibbli mal-NHS.
Huma diversi persuni li bħalissa jinsabu barra l-Qrati jistennew bil-ħerqa biex jaraw x’se tkun id-deċiżjoni, dan hekk kif il-ħajja ta’ dan iċ-ċkejken Charlie tinsab f’idejn il-kbarat.