“Joseph Muscat beda jimmilita fil-Partit minn meta kien żagħżugħ fil-kumpless tal-One TV fl-1992. Sar leader 16-il sena wara, perjodu li fih sena wara l-oħra issawwar fl-istatista li hu llum.” Qal dan il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi stqarrija.
Fearne qal li anke hu beda kmieni fil-partit. Spjega kif ta’ sittax-il sena kien diġa’ daħal fl-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti (illum Forum Żgħażagħ Laburisti) fejn serva bħala Segretarju Internazzjonali u baqa’ membru sakemm daħal l-Università. Fl-Università kien attiv ħafna fil-Kunsill tal-Istudenti (KSU) u minn hemm ħadem ma’ sħabu biex joħolqu l-għaqda tal-istudenti li wara saret il-PULSE. Iktar tard ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Kunsill taż-Żgħażagħ u kien anki fl-Eżekuttiv tal-Partit.
Bħala parti mill-moviment maħluq minn Joseph Muscat, erba’ snin ilu ħareġ għall-Parlament, ġie elett, sar Segretarju Parlamentari u ftit wara Ministru.
Fearne qal li dan kollu jfisser li ilu kważi 40 sena jagħti kontribut lill-partit b’xi mod jew ieħor. Illum, bħala Ministru u bħala kandidat għal Deputat Mexxej tal-Partit, stqarr bis-sinċerità kollha li kienu dawn is-snin li għaġnuh bħala politiku.
Għalih, hija l-formazzjoni fil-partit li tagħtu r-ruħ politika li tgħix f’kull min verament iħaddan il-valuri Laburisti veri. Hu sostna li hija din ir-ruħ li ssaħħaħ fih kemm l-għeruq fil-partit u l-istorja tiegħu kif ukoll l-entużjażmu għal dak li għadu ġej.
Temm billi qal li “bħal Joseph Muscat, kienu dawn is-snin ta’ preparazzjoni u formazzjoni fil-qalba tal-partit, spalla ma’ spalla mad-delegati, li qed jgħinuni nibni fuq il-passat u l-preżent imma b’ħarsti dejjem lejn il-futur.”