• ŻIDIET MIFRUXA FL-GĦOTJIET LILL-ISTUDENTI
• IKTAR STUDENTI JIBBENEFIKAW GĦALL-EWWEL DARBA
Fl-aħħar erba’ snin in-numru ta’ studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati baqa’ jiżdied kull sena. B’kollox kien hemm żieda ta’ madwar 2000 student li gawdew minn stipendju meta wieħed iqabbel is-sena skolastika li għaddiet mal-aħħar waħda ta’ amministrazzjoni preċedenti.
Minn 16,995 telgħu għal madwar 19,000 u dan ma kienx riżultat biss tal-fatt li kien hemm iktar studenti jistudjaw iżda wkoll minħabba l-fatt li studenti li qabel ma kinux jieħdu stipendju llum jeħduh. Dan minbarra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru Evarist Bartolo f’risposta għall-mistoqsija Parlamentari fis-seduta tal-Erbgħa li għadda kkonferma li b’kollox l-istudenti bbenefikaw minn €25,815,788.00 f’fondi millbaġit għal dan il-għan. Fil-Parlament, Bartolo spjega kif matul dawn l-aħħar snin ġew introdotti diversi inċentivi sabiex jitwessgħu l-parametri tal-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti.
“L-iskop ewlieni ta’ din l-istrateġija kien li jitħaffu l-proċessi u l-istrutturi billi jiġu applikati l-istess proċeduri komuni għal kull student li japplika għall-imsemmija għotjiet. L-Uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment għamel investiment qawwi f’dan il-qasam u issa jinsab f’pożizzjoni tajba ħafna biex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber ta’ applikazzjonijiet u naturalment mal-aspettattiva tal-istudent f’dan ir-rigward,” qal il-Ministru Bartolo.
Fis-sena akkademika 2013/2014 beda jingħata għall-ewwel darba stipendju lil studenti li jirrepetu sena fil-kors tagħhom u l-istipendju beda jiġi rivedut kull sena b’rata proporzjonali tal-COLA; iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Fl-istess sena akkademika tneħħiet is-sistema tal-ismart card u l-għotjiet lill-istudenti bdew jingħataw direttament fil-kont tal-bank tagħhom.
Minn din is-sena akkademika studenti li jistudjaw għal Doctor in Veterinary Medicine bdew jirċievu rata ta’ stipendju ogħla u klassifikata bħala High Priority Course. Ir-rata ta’ stipendju kienet dik ta’ €300 kull erba’ ġimgħat. Fl-2013 kien hemm 6 studenti ġodda li bdew dan ilkors u 27 student ieħor li kienu qed jipprogressaw fih.
Fis-sena 2015/16 diversi korsijiet ġodda żdiedu mal-lista ta’ dawk eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti, inkluż il-Postgraduate Diploma fin-Nutrition u Dietetics li beda jitqies ukoll eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti.
Il-proġett edukattiv Gem 16+ (Ġuze Ellul Mercer 16+) laqa’ 69 student li kollha tqiesu eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u ħafna minnhom applikaw ukoll għall-għotja supplimentari. Id-dipartiment irċieva wkoll 108 applikazzjoni mill-Agenzija Żgħażagħ (Youth Inc.) b’aktar minn 48 minnhom japplikaw għall-għotja supplimentari. F’din is-sena akkademika hemm 90 student fil-programm Gem 16+ filwaqt li l-Aġenzija Żgħażagħ laqgħet 143 student.
Kien hemm diversi inċentivi oħra mnedija fosthom il-ħlas tal-għotja ta’ darba lill-istudenti tat-tieni sena li jkunu qed jagħmlu kors bl-apprentistat fl-MCAST.
Din l-għotja tfisser li issa l-istudenti tal-apprentistat fl-MCAST u li qegħdin fit-tieni sena tal-kors tagħhom ser jibdew jirċievu l-għotja inizjali fil-bidu tas-sena akkademika.
Fil-fatt 362 student irċieva l-għotja f’Marzu u dan ammonta għall-investiment ta’ €42,479.58. Inċentivi oħra kienu jinkludu l-klassifikazzjoni ta’ korsijiet li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal stipendju ogħla fosthom B.Sc Pharmaceutical Technology li ġie kklassifikat bħala kors preskritt għal fini ta’ stipendju biex hekk dawn l-istudenti bdew jieħdu għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti ħafna ogħla.
L-istudenti maturi bdew jitqiesu wkoll awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti minn Jannar 2016 u għaldaqstant ma baqax jintalab rendikont tad-dħul ta’ dawk residenti fl-istess household biex tiġi determinata l-eliġibbilità ta’ studenti li jiġu aċċettati għall-kors taħt il-klawsola tal-maturità.
Fl-2015 id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u x-Xogħol investa biex id-Dipartiment għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti jkollha sistema onlajn biex l-istudenti japplikaw kollha f’applikazzjoni waħda li minnha jiġu ġġenerati l-ħlasijiet wara li tiddaħħal l-attendenza fejn applikabbli. Għall-ewwel darba studenti fl-apprentistat fl-MCAST bdew jirċievu stipendju speċjali fix-xhur tas-sajf, jiġifieri tliet pagamenti konsekuttivi ta’ €233.
Minn din is-sena akkademika, studenti li jagħlqu 16-il sena u jkomplu jistudjaw u jitħarrġu fil-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv f’Raħal Ġdid fil-Livell 3 tal-Qafas tal-Kwalifiki Maltin fil-Hospitality and Customer Care u fil-Welding and Fabrication bdew jitqiesu eliġibbli biex jingħataw stipendju wkoll. 26 student ibbenefikaw minn din il-miżura. Fi Frar 2017, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol approva r-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti biex il-korsijiet fl-Aeronawtika u Aerospace Engineering jitqiesu bħala High Priority Course u fil-fatt dawn l-istudenti bdew jirċievu l-ammont ta’ €307.68 kull erba’ ġimgħat minn Jannar 2017.
Għaldaqstant dawn l-istudenti bdew jirċievu wkoll rata ta’ għotja ogħla. Studenti li jagħmlu sena waħ- da addizzjonali fil-kors tagħhom bdew jingħataw stipendju wkoll għas-sena addizzjonali u jitqiesu bħala studenti li qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom. Dawk l-istudenti li għal xi raġuni ma jtemmux kors b’suċċess u jiddeċiedu li jmorru għal kors ta’ studju li jwassal għal kwalifiki tal-istess livell jew aktar baxx, bdew għall-ewwel darba jieħdu l-istipendju.
Minn din is-sena wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol approva wkoll ħlas għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti li segwew korsijiet postsekondarji taħt il-United World Colleges u istituzzjonijiet oħra postsekondarji. Ġew riveduti wkoll it-thresholds tal-qligħ b’rabta mal-eliġibbilità għall-għotja supplimentari. Studenti b’diżabilità u studenti li joqogħdu fi djar tal-Knisja u konservatorji, fost l-oħrajn, bdew jitqiesu awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment, inkluż l-għotja supplimentari.
Bdiet tingħata wkoll għotja addizzjonali lill-ġenituri waħedhom li jkomplu jistudjaw fuq livell postsekondarju, terzjarju u / jew vokazzjonali. F’kumment, il-President tal-Għaqda Studenteska Pulse, is-Sur Ayrton Mifsud stqarr li “Huwa dejjem tajjeb li tiżdied in-nefqa fl-edukazzjoni speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-istipendji.” B’hekk l-Għaqda tħoss li din in-nefqa tixhed il-fiduċja li dan il-Gvern għandu fl-istudenti Maltin u Għawdxin. “Nawgura sabiex l-istipendji jibqgħu jiżdiedu, ħalli studenti jkollhom l-inċentiv li jkunu storja ta’ suċċess fil-ħajja akkademika tagħhom.”