Wara li One.com.mt tella’ artiklu bit-titlu “Tafha lil din il-mara?”, wieħed jista’ jgħid li l-messaġġ infirex sew fuq il-midja soċjali b’mijiet ta’ persuni qasmu l-artiklu sabiex jinstab is-sid ta’ mowbajl li nstab f’Birżebbuġa.
Ġara li propju ftit wara li tela’ l-artiklu, il-messaġġ wasal fejn kellu jasal, tant li l-mara ta’ sid il-mowbajl saret taf u kkummentat tgħid li l-mowbajl hu tar-raġel tagħha li ħariġlu mill-but waqt li kien dieħel fil-karozza.
Huma se jkunu qed imorru l-Għassa tal-Pulizija nhar it-Tnejn sabiex jiġbru l-mowbajl fejn temmet il-kumment tagħha billi rringrazjat lil kulħadd tal-għajnuna u qalet #proudtobeMaltese
Aktar Qabel: Persuna fuq il-midja soċjali poġġiet ritratt ta’ mowbajl li sabet Birżebbuġa.
Fuq il-mowbajl jidher ritratt ta’ mara mgħannqa ma’ tifel ċkejken fejn fl-appell tagħha, il-mara li sabet il-mowbajl, sostniet li jekk xi ħadd jaf ta’ min jista’ jkun dan il-mowbajl għandu jgħaddi dawn id-dettalji.
Dan hekk kif wara li hi sabitu, ħaditu għand l-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa, u li sid il-mowbajl jista’ jmur u jiġbru hemm.
Jekk taf min hi din il-mara fir-ritratt għamel mezz biex tgħaddilha dan il-messaġġ u jekk ma tafhiex, xerred din l-istorja sabiex issir taf fejn qieghed il-mowbajl, li minjaf kemm inkwetat kif indunat li tilfitu.
Oġġett, li għalkemm il-valur tiegħu jaf ma jkunx ħafna, il-valur sentimentali minħabba ritratti jaf ikun ikbar.