Il-mexxejja tal-pajjiżi fil-G20 jinsabu fl-aħħar jum tagħhom tas-summit deskritt bħala wieħed diffiċli wara li huwa evidenti li jeżisti nuqqas ta’ qbil primarjament f’oqsma kummerċjali u t-tibdil fil-klima.
Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel li qed tospita dan is-summit f’Hamburg sostniet li l-mexxejja qed jippruvaw isibu kompromess speċjalment mal-Amerka ta’ Donald Trump.
Hu magħruf li t-timijiet differenti ta’ negozjaturi għamlu lejl sħiħ imqajmin ifittxu qbil dwar il-kliem li mistenni jkun miktub fl-istqarrija finali tas-summit.
Sadanittant għadd ta’ protesti fit-toroq tal-belt Ġermaniża komplew hekk kif is-summit qed jinżamm taħt sigurtà stretta.
Minn mindu l-Amerka ħarġet mill-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, l-affarijiet għall-pajjiżi tal-G20 saru aktar diffiċli.