Il-Prim Ministru emfasizza li Malta tirnexxi jekk iċ-ċittadini tagħha jitħallew iwettqu l-ħolm tagħhom. Meta inawgura l-monument tal-fjamma fi Pjazza Kastilja, f’ċerimonja li mmarkat il-kisbiet li għamlet Malta tul l-istorja, Joseph Muscat ta ġieħ lill-Maltin kollha li taw is-sehem tagħhom biex illum qed ngħixu dan iż-żmien. “Qed niftakru f’dawk kollha li ħolmu l-ħolma Maltija. Id-dmir tagħhna u li l-ġamar li qabdu ta’ qabilna nikkurawh ħa jaqbad iktar,” qal il-Prim Ministru.Joseph Muscat emfasizza li rridu “Inħarsu lejn in-nies bħala nies li għandhom l-aspirazzjonijiet tagħhom.”
Fisser kif qed naraw Malta li qed toħloq il-ġid u jinqasam. “Għandna nimtlew b’aktar entużjażmu meta niftakru li dan il-pajjiż m’għandux fuqiex idur għajr niesu,” qal il-Prim Ministru li rrimarka l-kisbiet li saru mill-Indipendenza l’ quddiem.
Tenna li l-poplu Malti ukoll jaf joħlom il-ġejjieni tiegħu bħalma jafu joħolmu l-ġejjieni tagħhom popli ikbar. “Il-ħolma Maltija ħadet tifsiriet differenti. Iċ-ċokon m’għamilx bil-Maltin li sar poplu u nazzjon. Il-Maltin ma ddejjqux joħolmu l-ħolma tagħhom u lanqas baqgħu lura mill-ħolma li raw,” qal il-Prim Ministru li f’diskors kalm u dirett għamel diversi riflessjonijiet storiċi.
“Illum qed ngħixu ħolma ta’ dawk li ħafna drabi raw fil-bogħod u lil hinn minn żmienhom,” tenna Joseph Muscat li sellem il-memorja ta’ diversi mexxejja.
Id-dmir tagħna hu li mill-istorja nieħdu l-esperjenzi li jgħinuna li nwettqu l-Malta li rridu. “L-istorja għandha terġa’ tgħallimna. La qiegħda hemm biex titwarrab u lanqas biex wieħed jgħix fiha iżda biex tgħin biex għada jkun aħjar mil-lum,” qal Joseph Muscat li tenna kif illum Malta qed titkejjel mal-aqwa.
Il-monument
l-monument inawgurat ifakkar il-mixja twila tal-poplu Malti biex wara sekli twal ta’ ħakma barranija rnexxielu jieħu r-riedni tad-destin tiegħu f’idejh u bħalissa saħansitra fl-aħħar xhur kien jinsab fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Filfatt, isem il-mafkar huwa “Fjamma li ma tmut qatt” – isem li jixhed il-ħeġġa u l-ħidma kontinwa tal-Maltin biex jiddeċiedu l-ġejjieni tagħhom huma stess filwaqt li jkomplu jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom.
Il-monument inħadem fil-bronż fuq disinn tal-artist Valerio Schembri. Dan il-monument jiżen madwar ħames tunnellati u l-proċess biex inħadem kien wieħed twil u saret ħidma fuqu saħansitra fl-Italja.