L-Arċisqof Charles Scicluna xehed fil-kawża b’talba għall-kumpens li għamlu vittmi ta’ abbuż sesswali f’Dar San Ġużepp bosta snin ilu.
Din il-kawża ssoktat quddiem l-Imħallef Mark Chetcuti wara li l-Qorti Kostituzzjonali laqgħet it-talba biex il-każ ma jibqax jinstema quddiem l-Imħallef Joseph R Micallef għaliex dan imexxi Radju Marija, organizazzjoni viċin il-Kurja u għalhekk seta’ jidher li seta’ jkollu xi kunflitt ta’ interess.
Meta l-Ħamis filgħodu kien imissu jixhed l-Arċisoqf Scicluna u fuq il-pedana tax-xhieda kellu jiffaċja wkoll il-kontro eżami, l-Imħallef Chetcuti informa lill-mezzi tax-xandir li kellhom iħallu l-awla għaliex is-smigħ kien se jsir fil-magħluq.
Il-każ għat-talba għad-danni jmur lura għal Mejju elfejn u tliettax u huma għaxra l-vittmi li qed jitolbu kumpens mill-knsija.
Huma bdew il-proċeduri wara li kull sforz li għamlu biex jieħdu kumpens mill-kurja fallew. Ħafna mill-ħin iddedikat għall-każ sa issa ttieħed mill-battalja legali biex jitneħħa l-Imħallef Micallef.
B’rabta ma’ dan il-każ żewġ qassisin, Carmelo Pulis u Godwin Scherri, kienu ntbagħtu l-ħabs. Dan wara li nstabu ħatja li abbużaw minn ħdax il-minuri li kienu fdati fil-kura u l-kustosja tagħhom. Sentenza li ngħatat fl-elfejn u tnax.