Fi stqarrija l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità sostniet li nġibditilha l-attenzjoni li hemm persuni li qed jgħidu li għandhom diżabilità, fosthom anke li huma neqsin mis-smigħ, li ntlemħu jittalbu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ saħqu li persuni b’diżabilità ma jiksbux ħajja xierqa u dinjituża billi jittallbu għall-flus, iżda billi jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ servizzi li jpoġġuhom f’kundizzjoni li jgħixu b’mod dinjituż.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità sostniet li ilha bosta snin taħdem sabiex il-persuni b’diżabilità igawdu mill-istess drittijiet bħal kull ċittadin ieħor.
Għaldaqstant, qed tinkoraġġixxi lill-pubbliku sabiex minflok jagħti l-flus lil dawn il-persuni, iħeġġiġhom iċemplu fuq il-freephone 153 jew billi jibgħatu SMS fuq 79788555, minn fejn ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar is-servizzi li jinħtieġu.
B’hekk, inkomplu nsaħħu l-ħsieb ta’ drittijiet mhux karità.