Il-kap tad-delegazzjoni Maltija tal-S&D Alfred Sant qal li stati Ewropej li għandhom riżorsi limitati, speċjalment dawk fil-periferija tal-Ewropa, għandhom bżonn il-flessibilita` fit-taxxa biex iżidu l-attivita`ekonomika. Dr Sant qal dan fil-Parlament Ewropew waqt li astjena dwar rapport li jipproponi direttiva dwar żvelar ta’ informazzjoni fuq it-taxxa tad-dħul minn ċertu impriżi u fergħat.
“Astjenejt fuq din il-mozzjoni għax hi favur politika komuni Ewropea favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Id-dikjarazzjonijiet li saru repetutament waqt it-tfassil tagħha jikkonfermaw li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa dan, u allura jmur lil hinn mill-ħtieġa – li magħha naqbel – li jitrażżnu l-abbużi fit-taxxi u fil-ħasil tal-flus.” spjega l-MPE Malti.
Dr Sant qal li stati membri differenti mogħnija b’riżorsi differenti, huma suġġettti għall-istess regoli ta’ tariffi, dazji tas-sisa, VAT, politika tal-kompetizzjoni u kif ukoll (għal dawk membri taż-żona ewro) tmexxija tal-baġit stretta ta’ dejn u defiċit. Il-fatt li jridu jibbilanċjaw il-kontijiet taħt ir-regoli taż-żona ewro tiżgura li t-taxxi u l-infiq tagħhom jaħdmu b’mod kompetittiv taħt kundizzjonijiet komparabbli ma’ dawk tal-istati membri l-oħra.
Ir-rapport kien approvat b’534 vot favur, 98 kontra u 62 astensjoni.