- Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni pjan kontra l-HIV u mard infettiv
Il-Parlament Ewropew illum sejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ bi pjan ħolistiku li jindirizza ż-żieda ta’ mard infettiv fosthom l-HIV, it-tuberkulożi u l-Epatite, wara pressjoni minn MEPs Soċjalisti għal din l-aħħar sena. Ir-riżoluzzjoni tal-S&D ġiet addottata waqt is-sessjoni plenarja ta’ din il-ġimgħa b’maġġoranza assoluta.
Waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament Ewropew, il-kelliema tal-S&D għas-Saħħa Miriam Dalli qalet li n-nuqqas ta’ azzjoni adegwata mhix aktar aċċettabli. ‘Il-konsegwenza tal-kompjaċenza hi wisq kbira. Il-mard infettiv huwa theddida maġġuri għad-drittijiet tat-tfal, adoloxxenti, nisa u l-familji tagħhom. L-impatti soċjali huma disproporzjonali, u l-istigma devastanti.’
L-MEP Maltija irrimarkat li f’dan il-kuntest, ir-rieda politika hija l-aktar arma b’saħħitha li iżda għadha ma ntużatx s’issa. Dalli sostniet li b’din ir-rieda politika biss nistgħu niġġieldu u ngħelbu ż-żieda fl-inċidenza tal-mard infettiv.
‘Hija din ir-rieda politika li timmobilizza setturi oħra tas-soċjetà, u li finalment tħeġġeġ lil kulħadd biex jiġġieled din il-problema. Għandna opportunità li ma nistgħux ma neħduhix. Dan huwa l-ħin propizju biex naġixxu u nagħmlu differenza,’ qalet Dr Dalli.
Hu stmat li madwar 400 persuna jmutu kuljum mill-epatite u kawżi relatati, filwaqt li t-tuberkulożi qed terġa tqum bħala waħda mill-aktar theddida gravi u sottovalutata għas-saħħa dinjija. Rigward l-HIV, fl-2015 kien hemm 30,000 każ ġdid, b’persentaġġ qawwi ta’ infezzjonijiet ġodda rappurtati f’żgħażagħ u adoloxxenti.
‘Din mhix traġedja għal dawk affettwati biss, din il-ġlieda hi tagħhom daqskemm hi ta’ ħaddieħor. Għandna r-responsabiltà li naħdmu iktar f’dan ir-rigward, fosthom billi nkissru t-taboo li jeżisti, nżidu l-prevenzjoni u niżguraw li kull pazjent ikollu aċċess għal trattamenti innovattivi u affordabbli,’ temmet tgħid Miriam Dalli.