Dalgħodu l-Parlament kompla d-diskussjoni fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-żwieġ, li jagħti l-possibbiltà lill-koppji tal-istess sess jingħaqdu fi żwieġ ċivili.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia:
L-ewwel kelliem kien is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia li fid-diskors tiegħu qal li l-imħabba u l-valur taż-żwieġ m’ għandux iħares lejn l-uċuh. Huwa qal li jinsab kuntent li jidher li l-liġi se tgħaddi unanimament.
Kien Gvern Laburista li ta l-vot lil kulħadd, il-gvern ta’ Dom Mintoff li ddikriminalizza l-omosesswalità u issa huwa gvern laburista ieħor li se jagħti l-possibiltà li nies tal-istess sess ikunu jistgħu jiżżewġu, qal is-Segretarju Parlamentari fil-Parlament.
Huwa qal li fil-Partit Nazzjonalista hemm elementi li huwa sejjaħ tal-“lemin medjevali” li kienu xxukkjati li l-gvern ma kienx sempliċiment qed jagħmel bidliet superfiċjali lil-liġi. Huwa appellalhom biex jimxu mal-liberaliżmu soċjali li rrenja waqt il-kampanja elettorali.
Il-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg:
Min-naħa tagħha l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li hi ma temminx li bil-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ se titneħħa Jum l-Omm u ddeskriviet bħala “iblah” lil min jaħseb li jista’ joħroġ b’xi idea hekk. Hija qalet li meta mxiet mal-linja tal-Partit Nazzjonalista u astjeniet fil-liġi tal-Unjoni ċivili weġġgħet lin-nies u għalhekk din id-darba se tivvota favur.
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo iddikjara li se jivvota kontra għax qal li l-abbozz huwa moralment inaċċettabbli. Huwa qal li “Ladarba din il-liġi hi kwistjoni ta’ kuxjenza jien niddikjara li se nivvota kontra. Jien nerfa’ r-responsabbiltà personali ta’ din id-deċiżjoni,” u tenna li din hi għażla ta’ konvinzjoni mhux konvenjenza.
Il-Ministru José Herrera:
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li l-membri parlamentari għandhom iqumu favur id-drittijiet ċivili u jivvotaw għal din il-qabża liberali ’l quddiem bħal-liġijiet oħra progressivi li għaddew fl-aħħar erba’ snin.
“Qabel l-elezzjoni tal-2013, il-battalja ġġielduha fil-qrati iżda rreżistewha l-gvernijiet nazzjonalisti, kif jixhed il-każ ta’ Joanne Cassar. L-oġġeżżjonijiet għal-liġi huma reliġjużi u morali iżda l-gvern m’għandu ebda dritt jimponi standards morali jew reliġjużi fuq iċ-ċittadini. L-ideat tal-membri eletti huma irrelevanti.”
Il-Ministru Evarist Bartolo:
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u xogħol Evarist Bartolo qal li llejla se jkun qed jivvota favur l-abbozz bl-akbar konvinzjoni morali għax għad hawn nies li għandhom id-drittijiet tagħhom imċaħħda. Huwa ċaħad dak li qal Edwin Vassallo u enfasizza li l-kliem fl-abbozz jittratta n-nies mingħajr diskriminazjzoni.
“L-irġiel se jibqgħu irġiel u n-nisa se jibqgħu nisa u jkun ridikolu li naħsbu li jekk jitneħħew il-kliem omm u missier se nkunu qed neliminaw l-istituzzjonijiet. Il-liġi Maltija hija identika għal-liġi li għadu kif għadda l-parlament Ġermaniż, bi 85% tal-popolazzjoni favur, u liġijiet ta’ pajjiżi ewropej oħra.”
Il-Ministru Bartolo saħaq li din il-liġi se tagħmel is-soċjetà aktar umana.
Il-Membru Parlamentari Claudio Grech:
F’diskors ibbażat fuq kif kulħadd għandu jkollu d-dritt jgħid l-opinjoni tiegħu u favur it-tolleranza għal argumenti differenti, Claudio Grech indika b’mod ċar li hu favur li fuq il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ il-Partit Nazzjonalista jkollu vot ħieles, biex jirrappreżenta d-diversità fi ħdanu.
Fl-opinjoni tiegħu dan il-parlament, b’mod partikolari din in-naħa tal-kamra, għandha tirrispetta id-diversità tal-ħsieb. Din in-naħa tal-kamra għandha tirrispetta d-diversità tal-elettorat tagħna. Għandha tirrispetta l-ħsieb li mhux kulħadd jaħsibha l-istess,” qal Claudio Grech li tenna li l-liġi xorta waħda tgħaddi għax il-gvern għandu l-maġġoranza.
“Jien nemmen li għandu jkun hemm iktar rappreżentazzjoni. Għandu jkun hemm iktar fakultà li kull wieħed għandu jkollu l-libertà kollha li jesprimi l-perspettiva tiegħu dwar dawn il-liġijiet,” qal Grech f’diskors ibbażat fuq il-bżonn li kulħadd ikun jista’ jgħid tiegħu filwaqt li ħarab mill-kontenut tal-liġi għalkemm qabel li tkun emendata.
Il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield:
Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield qal li l-preġudizzji tal-Oppożizzjoni weġġgħu lill-familji u lis-soċjetà. “L-Oppożizzjoni qed tħawwad lill-Kamra fuq it-terminoloġija billi tgħid li l-liġi se twassal biex ma nibqgħux niċċelebraw Jum l-Omm.Il-liġi se tikkunsidra lill-ommijiet u lill-missirijiet fuq bażi ugwali billi tirreferi għalihom bħala ġenituri.”
Huwa żied jgħid li kuntrarju fħal dak li qal Edwin Vassallo, li l-liġi ma kinitx fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, Bedingfield qal li l-gvern minn dejjem wiegħed qabza fid-drittijiet ċivili. Min-naħa l-oħra, kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li li qal lill-komunità LGBTIQ li kien favur l-ugwaljanza fiż-żwieġ u mbagħad qal lill-Life Network il-kuntrarju.
Godfrey Farrugia f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li l-Abbozz ma jmurx kontra d-drittijiet tal-bniedem. Huwa favur l-ugwaljanza fiż-żwieġ iżda qal li l-mod kif inhu miktub qed joħloq inċertezza.
Min-naħa tiegħu l-Membru Parlamentari Robert Cutajar qal li ma kienx żball li l-Partit Nazzjonalista astjena fil-vot tal-Unjoni Ċivili fil-leġiżlatura li għaddiet.
Fil-Parlament iddikjara li l-iżball kien li dak iż-żmien l-Oppożizzjoni ma spjegatx għaliex astjeniet. F’diskors dwar il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ, ftit wara li d-deputat Edwin Vassallo qal li se jivvota kontra, Cutajar staqsa wkoll “għaliex din l-għaġla biex tiddaħħal il-liġi.”
Huwa qal li ma jaqbilx ma’ dawk, fosthom Claudette Buttigieg, li qalu li kien żball li fil-legislatura l-oħra l-Oppożizzjoni kienet astjeniet dwar l-unjoni ċivili.
“Dik il-liġi kienet tagħti lill-koppji gay id-dritt li jaddottaw mingħajr ma qieset l-impatt ta’ deċizjoni bħal din. F’dak il-każ, il-gvern kellu l-intenzjoni premeditata li jħawwad lill-Oppożizzjoni” qal Cutajar.
Id-dikjarazzjonijiet tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti jkomplu juru l-qasma dwar din il-liġi fil-grupp parlamentari nazzjonalista.