Il-Qorti ma laqgħetx it-talba li s-Sindku tar-Rabat Għawdex għamel biex tinbidel il-Maġistrat li qed tisma l-kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo b’rabta ma’ kummenti fejn is-Sindku Samuel Azzopardi nstab ħati li saq xurban.
Samuel Azzopardi ma riedx li din il-kawża tinstema’ mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri għax fl-imgħoddi kienet kandidat tal-Partit Laburista. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet diġa’ ċaħdet din it-talba iżda Samuel Azzopardi, permezz tal-avukati tiegħu, fosthom id-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi għamel rikors kostituzzjonali. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ippreseduta mill-Imħallef Lorainne Schembri Orland kellha kliem ta’ ċanfir għall-pożizzjoni ta’ Samuel Azzopardi u l-avukati tiegħu. Qalet li huwa veru li dan il-pajjiż huwa politikament polarizzat.
“Ikun żball jekk dan il-partiġjaniżmu jiġi proġġettat in abstracto fuq il-Qrati,” iddikjarat il-Qorti li nnotat kif l-kejl tal-imparzjalità tal-ġudikajnt ma ssirx abbażi l-opinjoni personali tiegħu imma abbażi tal-mod kif jaqdi l-kostitiuzzjoni u s-saltna tad-dritt.
Fuq kollox il-qorti Kostituzzjonali innotat kif l-avukat Jason Azzopardi kien qal li kieku l-kawża kienet assenjata quddiem il-Maġistrat Paul Coppini, eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista, ma kienx jagħmel l-istess talba li għamel biex titneħħa Joanne Vella Cuschieri.
Il-Qorti Kostituzzjonali nnotat kif ġara fi drabi oħra li ladarba persuna tinħatar ġudikant dik il-persuna hija preżunta imparzjali. Saħansitra ddikjarat li f’dan il-każ Samuel Azzopardi ma ressaq ebda prova li turi mod ieħor fil-konfront tal-Maġistrat Vella Cuschieri.