Il-Partit Nazzjonalista kellu bozza ħamra tixgħel li setgħet turih li fost il-partitarji tiegħu l-affarijiet ma kinux ward u żahar.
Dan għax f’sena importanti li nzertat dik ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali kienu qed jonqsu t-tesserati mal-partit.
Fil-fatt jirriżulta li s-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista naqsulu t-tesserati. Mill-kontijiet ippreżentati quddiem il-Kummissjoni Elettorali jirriżulta li l-Partit Nazzjonalista kellu tnaqqis qawwi fid-dħul minn dawk li jħallsu ħamsa jew għaxar ewro għat-tessera skont il-każ.
Id-dhul naqas minn €75,942 fl-2015 ghal €64,722. Dawn il-figuri jindikaw li n-numru ta’ tesserati mal-PN naqas bi kwazi 15% f’sena wahda.
Din hi indikazzjoni ċara ta’ kemm, kif qed jghidu ex-deputati Nazzjonalisti bhal Tonio Fenech, taħt Simon Busuttil ħafna Nazzjonalisti ma għadhomx iħossuhom parti mill-Partit Nazzjonalista dan anke jekk kienet qed tipprova tingħata l-impressjoni li l-partit kien qed jissaħħaħ u jingħaqad.
B’kuntrast tat-tnaqqis ta’ 15% fid-dħul mit-tesserati tal-PN, matul l-2016 kien hemm żieda ta’ 9% mid-dhul mit-tesserati tal-Partit Laburista. Biex anke f’dak li hu tesserament, filwaqt li partit kien qed jiċkien ieħor kien qed jikber.
Dan kollu seħħ fl-istess sena li l-Partit Nazzjonalista żied it-telf finanzjarju tiegħu u l-amministrazzjoni ċentrali tal-partit żiedet il-pagi tagħha bi ħdax fil-mija kif żvelat fil-ħarġa tal-KullĦadd tal-Ħadd.
It-tesserament huwa wieħed mis-sorsi li l-partiti politiċi jqisu bħala importanti mhux biss biex ikejlu l-appoġġ fost il-partitarji iżda anke bħala sors ta’ dħul finanzjarju. Biex fil-każ tal-Partit Nazzjonalista dan żdied mar-raġunijiet għaliex is-sena li għaddiet ma ngħalqitx b’riżultati sbieħ. Fost oħrajn għax żdiedu d-djun u l-imgħaxijiet li kellhom jitħallsu fuqhom, kif ukoll minħabba r-riżultati xejn tajbin tal-midja tal-Partit li l-Partit Nazzjonalista kellu jerfa’ wkoll.