Din is-sena l-isfida ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat se jkollha l-isem ta’ North to Port. Dan għaliex l-għawma tagħha se titlaq mill-akwati ta’ Fra Ben biex wara għaxar kilometri għawm tasal fil-port ta’ Marsamxett.
Filwaqt li l-għawma pjanata li ssir fit-22 ta’ Lulju flimkien mal-White Party tal-Marigold Foundation li se jsir f’Sant Iermu, d-data tista’ tinbidel skond kemm jippermetti t-temp.
Is-sinjura Muscat saħqet li l-ghan ewlieni huwa biex bħal kull sena jinġabru biżejjed fondi biex jgħinu għaqdiet non-governattivi oħra filwaqt li primarjament tgħin fil-ħsieb li atleti tal-iSpecial Olympics Malta jipparteċipaw fil-World Games ta’ Abu Dhabi.
L-Ambaxxatur ta’ Marigold, Ivan Grech, saħaq li Michelle Muscat għat-tielet sena konsekuttiva se tkun qed tispira iktar nies biex ukoll jingħaqdu ma’ Special Olympics Malta u juru t-talent sportiv tagħhom.
L-għalliema tal-isport tas-sinjura Muscat, Anna Calleja, li hi wkoll Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta saħqet li Michelle hija xempju ta’ mara tal-familja li fil-ħin tal-ġurnata tagħha dejjem issib ħin għat-taħriġ fiżiku.
Saħansitra qaltilna li hi kompliet bit-taħriġ anke fil-jiem tal-kampanja elettorali għaliex hi xtaqet li jkun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali l-għawma ssir xorta waħda.