“Hu kien l-imħabba ta’ ħajti. Għadni naħseb fih sal-lum.” Dan kien il-kumment ta’ Joan Barbara meta rrakkontat ma’ The People of Malta l-istorja ta’ mħabba li kellha meta kien għad kellha 25 sena biss.
Joan irrakkontat kif “Kont il-Vernon Forces Club, fl-1957, qed niżfen, meta ġie dritt fuqi Desmond Dyer, P.T. Officer Ingliż. Kien għad kelli 25 sena. Minn dakinhar, baqa’ jiġri warajja biex noħroġ miegħu. Kont iġġennint warajh. Kellu karattru tal-ġenn.”
Kompliet billi qalet li “F’dawk is-sentejn li għamel hawn Malta, konna nfittxu li niltaqgħu u noħorġu flimkien. Qatt ma naf li ltqajt ma’ xi ħadd li kellu karattru li qbilt daqshekk miegħu. Kif qalli li se jmur lura l-Ingilterra, jien qbadt u tlaqt kollox biex mort warajh. Mort ngħix u naħdem l-Ingilterra. Hemmhekk konna niltaqgħu ftit, xi drabi s-Sibt, minħabba l-ammont ta’ xogħol li kelli nagħmel. Biż-żmien ġara li traskurajtu. Ma kontx qed nirrealizza minn kemm distanza ‘l bogħod kien qed jiġi biex jiltaqa’ miegħi. Meta ra li ma kontx għadni ħafna b’kuntatt miegħu, beda jaqta’. L-aħħar darba li rajtu kien talabni biex inwassluh Waterloo.”
The People of Malta sostnew kif bid-dmugħ f’għajnejha, Joan qaltilhom “Għadni sal-lum niftakar l-aħħar ħarsa li kien tani. Wara li għadda ċertu żmien, irrealizzajt xi tlift b’idejja. Qatt ma rnexxieli nerġa’ narah. Ippruvajt infittxu, imma ma rnexxilix insibu.”