EDWARD SCICLUNA: ESPERJENZA U KOMPETENZA
Li nikkontesta l-elezzjoni għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament hija r-raba’ sejħa li għamilli l-Prim Ministru Joseph Muscat f’perjodu ta’ tmien snin. L-ewwel sejħa saret lura għall-2008 sabiex nikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-2009. It-tieni kienet fl-2013 meta kont mitlub nirrinunzja l-post ta’ Viċi President fil-kumutat tal-EP ECON, fl-istess sena li kkontestajt l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba u li kont appuntat fil-Kabinett bħala l-Ministru għall-Finanzi. It-tielet sejħa saret xahrejn qabel l-elezzjoni li saret kmieni x-xahar li għadda u li b’suċċess irduppjajt il-voti fuq żewġ distretti biex b’hekk erġajt ġejt elett u appuntat bħala l-Ministru għall-Finanzi.
L-aħħar sejħa li saritli riċentament mill-Mexxej Laburista hija sabiex nikkontesta għall-kariga ta’ Deptutat Mexxej. Kull sejħa kienet sabiex inservi lil pajjiżi b’mod fiduċjuż u korrett. Il-ħidma tiegħi, spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru, sarrfet f’suċċess f’kull baġit li ppreżentajna, u li ħalliet impatt ta’ valur fuq l-ekonomija, effett li għadu jinħass. It-tnejn naħdmu u nilħqu qbil għal viżjoni komuni u għal metodu ta’ kif naslu għall-viżjoni. It-tnejn li aħna ninsabu kburin bil-kisbiet tagħna u ħerqana li nkomplu nibnu fuq dak li konna diġà bdejna. Nemmen li r-riżultat miksub fl-aħħar elezzjoni b’maġġoranza ta’ 40,000 huwa messaġġ ċar li l-poplu Malti jrid li l-ekomonomija u l-finanzi jibqgħu mmexxija minn tim li tul l-aħħar erba’ snin wera biċ- ċar il-kapaċità tiegħu. Tim immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat u minni l-Ministru għall-Finanzi li jsarraf f’kontinwità pożittiva.
Dejjem tajt prijorità l-onestà u l-kredibiltà fil-valuri personali tiegħi li komplejt inżewwaqhom b’ħiliet u b’esperjenzi varji li ksibt matul is-snin permezz ta’ bosta rwoli li okkupajt filwaqt li l-valuri saħħaħthom permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja u l-attitudni pożittiva sabiex inkompli nsaħħaħ dak li nkun tgħallimt. Kulħadd jista’ jara u jiskrutinizza r-riżultati tajbin li ksibt f’numru ta’ istituzzjonijiet bħall-Università, il-Bank Ċentrali, il-Kummissjoni Elettorali, l-MFSA, l-MCESD, l-Parlament Ewropew u l-Kabinett. Nemmen li dawn il-kwalitajiet huma kumplimentari għal governanza tajba, minkejja li l-politika tiġi deskritta b’mod ċiniku.
Tul l-esperjenza politika tiegħi stajt ninnota li d-delegati u l-elettorat jagħtu valur kbir lill-kwalitajiet tal-politiku. Naħseb li l-kuntatt kontinwu bejn il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari mad-delegati għandu jibqa’ fis-seħħ bil-possibilità li jiżdied. Infatti, il-Prim Ministru diġà indirizza dan ilbżonn fil-leġiżlatura li għaddiet permezz tal-attività bi-annwali ta’ Gvern li Jisma’ filwaqt li filkaż tiegħi tiġi kkumplimentata bil-laqgħat ta’ qabel il-baġit. Dawk li kienu fil-Parlament Ewropew jifhmu l-importanza tal-kuntatt kontinwu u l-bżonn li l-kuntatt mal-elettorat ikun skedat fil-kalendarju Parlamentari, pereżempju l-Membri Parlamentari Ewropej jingħataw ġimgħa time-off kull sitt ġimgħat biex l-MPE jorganizzaw laqgħat pubbliċi biex jiltaqgħu mal-elettorat. Din il- ġimgħa tisejjaħ green week.
Il-Partit Laburista għamel bosta snin fl-oppożizzjoni. Illum, il-partit ittrasforma f’moviment kbir progressiv u inklussiv, fejn il-Maltin u l-Għawdxin minn kull settur fis-soċjetà qed jiġu rrappreżentati. L-istrutturi, l-istatut u l-organi tal-partit reġgħu nbnew u l-partit irriforma ruħu sabiex jirrifletti ż-żminijiet moderni. Issa wasal f’punt li qed ikun sostenibbli. Ir-rekluti l-ġodda fil-kabinett u l-Membri Parlamentari inġenerali jiggarantixxu futur prospettiv. Flimkien mal-Prim Ministru u jien bħala Deputat Prim Ministru jekk tingħatali l-fiduċja mid-delegati, nixtieq li matul dawn is-snin li ġejjin nosservaw il-mexxejja futuri tal-partit, u nipprovdulhom l-ispazju u l-għodod għall-kontinwità fis-suċċessi li qabad dan ilpajjiż. Jien nixtieq li niggwidahom fi prospetti ġodda u mhux li nkun il-kompetitur tagħhom.
HELENA DALLI: WEĠIBT GĦAS-SEJĦA TAL-PL
Hekk kif irbaħna l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju u l-Prim Ministru fdani bid-dekasteru li kellu l-Viċi Prim Ministru Louis Grech, kien hemm bosta li avviċinawni biex noħroġ għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Ma kinetx fil-pjanijiet tiegħi, imma meta kont Strasburgu mal-Prim Ministru, ħeġġiġni biex nagħmel dan il-pass. U kif dejjem għamilt fit-38 sena li ili fil-partit, weġibt għas-sejħa, konvinta mill-fatt li nista’ nkun ta’ spalla għall-Prim Ministru għax miegħi żgur għandu assigurazzjoni ta’ xogħol bla waqfien u lealtà, mhux l-inqas għax m’għandi l-ebda ambizzjoni oħra. Konvinta wkoll mill-fatt li fil-fora internazzjonali, jien nista’ nikkumplimentah tajjeb, anke għaliex ix-xogħol tiegħi ġie rikonoxxut barra minn Malta u ġie ppremjat.
Għandi esperjenzi u relazzjonijiet tajbin ħafna mal-istituzzjonijiet barranin u mal-midja internazzjonali. Iżjed minn hekk, aktar ma ħsibt fuq din il-proposta, aktar rajt li t-38 sena esperjenza tiegħi fil-partit u l-21 sena esperjenza fil-Parlament nista’ nużahom għal din il-kariga jekk nintgħażel mid-delegati. Flimkien ma’ dan, il-fiduċja li reġa’ tani l-Prim Ministru – wara li l-poplu eleġġieni minn żewġ distretti mlietni b’iktar sens ta’ responsabilità biex nagħmel dan il-pass. Nafu wkoll li l-Prim Ministru dejjem isostni li aħna partit u Gvern femminista. Nistgħu nkomplu nuru dan, għax minkejja n-nuqqas li għad għandna fejn jidħlu nisa fil-politika, dan il-partit qed ikompli jiftaħ il-bibien.
Dan hu l-partit li ta l-vot lin-nisa, ħatar l-ewwel Ministru mara, l-ewwel President tar-Repubblika mara u l-ewwel Speaker mara. Aħna l-partit li dejjem wera fiduċja fil-ħiliet tan-nisa. Nimmarka wkoll li l-Prim Ministru spiss isemmi “l-qabża liberali ’l quddiem” u fl-aħħar snin fdani bi wħud mill-akbar bidliet għas-soċjetà Maltija. Ta’ dan rajna l-frott, kemm f ’wiċċ in-nies li gawdew minnhom u kemm f ’termini ta’ voti bħala partit. Qed nara din il-kariga bħala pass naturali għal dawk li segwew il-karriera tiegħi ta’ kważi 40 sena fil-Partit Laburista. Ħdimt fil-livelli kollha: fiż-żgħażagħ, fil-kumitati lokali, fin-nisa u fl-eżekuttiv nazzjonali. Għalhekk nista’ nifhem aħjar il-partit u l-partitarji. Relevanti iżjed minn hekk għal din il-kariga, huma l-21 sena tiegħi fil-Parlament.
Nifhem il-Parlament miż-żewġ perspettivi: dik ta’ Gvern u dik ta’ Oppożizzjoni. Quddiem Partit Nazzjonalista li dejjem kien żleali mill-Oppożizzjoni, din l-esperjenza se tkun kruċ- jali biex il-Gvern inżommuh għaddej b’mod sod mal-programm tiegħu u ma nċedux għall-manuvri li żgur se jkomplu jseħħu. Għal din il-kariga trid tkun ġusta imma ma ċċedix meta taf li qed tagħmel it-tajjeb. L-Oppożizzjoni tipprova tħarbat, għalhekk għan-naħa talGvern hemm bżonn ta’ persuna li żżomm sod għax tkun taf li qed tagħmel is-sewwa. Dan apparti li min se jipprova jħarbat ix-xogħol tal-kamra se jsib ukoll fl-Onorevoli Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-kamra sod u ġust kif kellna għal dawn l-aħħar erba’ snin. Xi ħaġa oħra li naħseb hija importanti hija li d-delegati jkunu infurmati b’dak kollu li jkun qed isir fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern.
Wara kollox huma d-delegati li japprovaw il-programm elettorali, liema programm isir policy tal-Gvern hekk kif l-elettoral jagħżlu fl-elezzjoni ġenerali. Id-delegati għandhom jibqgħu jkunu infurmati dwar il-progress li jkun qed isir fuq il-programm tal-Gvern li huma approvaw u ppreżentaw lill-elettorat. Għalhekk kuntatt regolari mad-delegati nara li huwa importanti ħafna għad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. Jien nifhem lid-delegati u lill-partitarji għax kont fil-Partit Laburista u fil-Parlament fi żminijiet diffiċli u ta’ tbatija; u ħdimt biex illum għandna partit u Gvern li dejjem ħlomna dwarhom. Għalhekk b’umiltà qed noffri li nservi u nkompli npoġġi l-lealtà tiegħi lejn il-partit u lejn Joseph Muscat u l-esperjenza tiegħi ta’ 38 sena fil-politika u 21 sena fil-Parlament għad-dispożizzjoni tal-Partit Laburista li tant ngħożżu.
CHRIS FEARNE: MALTA AĦJAR
Fl-2008, bħal ħafna minna kont diżappuntat ferm bir-riżultat tal-elezzjoni. Elezzjoni li tlifna b’marġni żgħir ħafna. Elezzjoni li għal darb’oħra poġġietna fl-abbissi tal-Oppożizzjoni. Iżda kien f ’dan l-istess żmien li isem Joseph Muscat beda jiżdied b’aktar prominenza biex ikun hu l-mexxej il-ġdid tal-partit tagħna. Joseph Muscat kien kellimni u jien kont iddeċidejt li pubbikament inkun fit-tim tiegħu u nappo- ġġja pubblikament il-kandidatura tiegħu. F’waħda mill-attivitajiet politiċi li kienu saru f ’dak iż-żmien tkellimt fuq il-bżonn li l-Partit Laburista jrid jikber u jsir partit aktar inklussiv. Partit li filwaqt li jibqa’ jħaddan il-valuri bażiċi ta’ dak li jagħmilna Laburisti, isir partit li jiġġedded u jimxi mal-passi li wara kollox imxiet is-soċjetà Maltija. Dakinhar għedt li dan kollu stajna nagħmluh billi jkollna mexxej sod, b’viżjoni u li jara kbir għall-pajjiżu.
F’kelma waħda li flimkien ma’ dan il-mexxej (Joseph Muscat) nimxu għal Malta aħjar. Dakinhar, bħal-lum, jien kont fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. U hemm beħsiebni nibqa’. Mill-2008 ’l hawn ġraw ħafna ġrajjiet li dejjem saħħew il-fidi tiegħi lejn il-partit u lejn il-mexxej tagħna. Għalkemm kont ili attiv fil-partit sa minn ċkuniti fosthom bħala Segretarju Internazzjonali u attiv ħafna fl-għaqdiet taż-żgħażagħ kemm fis-sixth form, f ’dik li kienet il-PULSE ta’ dak iż- żmien u anke fl-Università, ikkontestajt għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali fl-2008. Ġejt elett mir-raba’ distrett u għalkemm bdejt il-leġiżlatura li għaddiet bħala backbencher, spiċċajtha, b’fiduċja sħiħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat, bħala Ministru għas-Saħħa. Il-qasam tas-saħħa huwa qasam delikat ħafna, huwa l-aktar settur li fih jintefqu flus u huwa settur li jżommok il- ħin kollu f ’kuntatt man-nies. Is-settur tas-saħħa erba’ snin ilu kien għaddej minn problemi kbar, kont naf tajjeb x’inhuma u x’għandna nagħmlu biex insolvuhom. Dan kont nafu minħabba l-esperjenza vasta bħala kirurgu tat-tfal f ’dan is-settur.
Illum, u dan jista’ jixhdu l-poplu, is-settur tas-saħħa f ’pajjiżna għamel qabża ta’ kwalita ’l quddiem. Illum qed nagħtu u se nkomplu nagħtu saħħa aħjar lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha. Kienet proprju din il-fiduċja tal-poplu l-aktar li mmotivatni biex nieħu d-deċiżjoni li nikkontesta din il-kariga. Il-poplu li rrikonoxxa l-ħidma tiegħi. Fl-elezzjoni li għaddiet ksibt ’il fuq minn 10,000 vot fuq żewġ distretti. Dan ir-rigal li tani l-poplu jien ngħożżu u napprezzah u rrid insarrfu f ’aktar xogħol għal ġid ta’ Malta tagħ- na. Irrid li dawn l-10,000 vot jien insarrafhom biex nkomplu nagħmlu Malta aħjar. L-enerġija li qiegħed nagħ- ti lis-settur tas-saħħa rrid inkompli nifrixha aktar.
Se nkun qed nikkontesta biex inkun Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, partit li sa minn ċkuniti ħabbejt u li dejjem kont leali lejh, kariga li tfisser ukoll Deputat Prim Ministru għax irrid nibqa’ nimxi fuq il-passi li ħadt fl-2008. Irrid inkun l-id il-leminija tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Illum il-partit tagħna m’għadux il-partit tal-Oppożizzjoni, iżda wara żewġ rebħiet kbar, waħda akbar mill-oħra, il-partit tagħna sar, kif dejjem kien jixraqlu li jkun, il-partit tal-Gvern. Irrid li bl-enerġija li għandi, u li diġà tat u qed tkompli tagħti l-frott fil-qasam tas-saħħa, tkun kumplimentari għall-enerġija li għandu l-Prim Ministru, biex inkun spalla ma’ spalla miegħu għall-Ħolma Maltija