F’diskors fuq ir-radju tal -PN b’ton li jipprova jinżel tajjeb mal-fazzjonijiet differenti fil-PN, Busuttil ammetta li dwar din it-tema hemm qasma fil-PN meta qal li hemm min jaqbel u min ma jaqbilx.
Intant, b’reazzjoni, fi stqarrija l-Gvern irrefera għal stqarrija pubblika li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu, fejn qal li fi stadju ta’ Kumitat fil-Parlament beħsiebu jressaq emendi għall-emendi mressqa mill-Gvern għall-Liġi taż-Żwieġ (żwieġ indaqs).
Il-Kap tal-Oppozizzjoni ddikjara li dawn l-emendi se jkunu qed jerġgħu jdaħħlu l-kliem raġel u mara mal-kelma konjuġi, kif proposta mill-Gvern.
Il-liġi Maltija diġà tirreferi għal konjuġi u ġenituri f’diversi liġijiet u dawn ir-referenzi qatt ma naqsu d-drittijiet ta’ koppji eterosesswali li jissejħu raġel u mara jew omm u missier. Bħalma għamlu drabi oħra, xi deputati Nazzjonalisti qed jippruvaw iqajmu paniku nazzjonali f’mument fejn missna qed niċċelebraw il-kisba ta’ aktar ugwaljanza.
Emendi ta’ dawn it-tip impliċitament inaqqru l-kunċett t’ugwaljanza u joħolqu distinzjoni bejn koppji differenti.
Kif diġà stqarr il-Prim Ministru dalgħodu stess, din hija kwistjoni ta’ prinċipju, u għalhekk emendi simili mhux se jkunu aċċettabbli għall-Gvern.
Il-Gvern qed jgħid mhux b’suppervja jew b’impożizzjoni, iżda għal fini ta’ trasparenza, ċarezza u konvinzjoni, biex kulħadd ikun jaf fejn hu, ma’ Gvern li b’umiltà se jwettaq dak li għandu l-mandat biex jagħmel.