Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ ħdax-il xahar ħabs għal mara t’erbgħa u tletin sena li nstabet ħatja għal tlajjar f’postijiet magħrufin fil-Gżira għal prostituzzjoni. Il-mara li hi riċediva qalet li l-ewwel Qorti ma kelliex biżejjed provi dwar tlajjar bi skop għall-prostituzzjoni. Iżda l-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima straħet fuq l-affidavits li ħadu numru ta’ pulizija li spjegaw kif il-mara nqabdet titlajja fi Triq Testaferrata u fi Triq l-Imsida viċin appartament, bil-għan li tipprostitwixxi ruħha.
L-Ispettur John Spiteri xehed li huwa saħansitra offra l-għajnuna lil mara biex toħroġ mill-prostituzzjoni iżda hi qatt ma riedet tagħmel dan minħabba li kellha problemi finanzjarji kawża tal-vizzju tad-droga. Il-Qorti għalhekk ikkonfermat sentenza ta’ priġunerija iżda ordnat lid-Direttur tal-ħabs biex jgħin lil mara toħroġ mill-problema tad-droga.