Eżerċizzju intensiv wassal biex tinqata’ kompletament il-lista ta’ stennija għas-servizzi tal-HomeHelp f’Għawdex. Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Fissret din il-kisba bħala sinjal ċar ta’ kemm dan il-Ministeru jrid jindirizza l-bżonnijiet tal-anzjani li jridu jibqgħu jgħixu fil-komunità. Hi qalet li dawk l-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom għandu jkollhom kull assistenza possibbli u hekk kif ħadmet fil-qasam tal-anzjani f’dawn l-aħħar snin, hekk issa se tkompli taħdem biex is-servizzi mhux biss jiżdiedu imma titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tagħhom.
Il-Ministru qalet li mhux aċċettabbli li l-anzjani li jeħtieġu l-għajnuna jitħallew jistennew ġimgħat jew xhur biex jingħataw dan is-servizz; kien għalhekk li, wara l-eżerċizzju li sar biex tinqata’ għal kollox il-lista ta’ stennija, se jiġi assigurat mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ li jkun iktar effiċjenti u jevita dewmien u tbatija bla bżonn.
“Irridu nifhmu li għal persuni anzjani, l-iktar dawk li jgħixu weħidhom, is-servizz tal-għajnuna fid-dar jaf ikun l-ikbar appoġġ u sostenn li jgħinhom jgħixu aħjar u għalhekk stennija fit-tul u bla bżonn tista’ tnaqqsilhom mill-kwalità tal-ħajja”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Għal dan il-għan, qed isiru wkoll xogħlijiet fl-uffiċċju tas-sezzjoni tal-anzjani fil-Ministeru għal Għawdex biex ikun iktar attrezzat u għalhekk il-klijenti jkunu jistgħu jinqdew f’iktar kumdità u b’iktar effiċjenza.