It-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista issa għandha l-ewwel kandidati dikjarati.
Bdew isiru dikjarazzjonijiet li dawn il-kandidati għandhom ikunu skrutinizzati minn Kummissjoni, u din tagħmel dak li qed jissejjaħ due diligence ta’ kull min qed juri interess fil-kariga. Dan il-ħsieb sab l-appoġġ immedjat ta’ Chris Said, wieħed miż-żewġ kandidati ddikjarati.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu din il-linja ta’ ħsieb hija battuta ċara lejn Adrian Delia li fid-Dar Ċentrali u bnadi oħra tal-Partit Nazzjonalista qed ikun allegat li għandu rabtiet li xejn ma jagħmlu ġieh lill-Partit Nazzjonalista.
Għad mhux magħruf għal xix inhi din ir-referenza iżda biex tiżdied il-pressjoni qed timxi din l-idea li jkunu skrutinizzati l-kandidati.
Kiteb dwarha l-ġurnalist ta’ esperjenza Dione Borg li qal li fost oħrajn għandhom ikunu skrutinizzati l-assi tal-kandidati u miegħu qablet Daphne Caruana Galizia.
Meta kompla magħhom Chris Said qal li matul it-tmexxija tiegħu, Simon Busuttil dejjem saħaq dwar il-ħtieġa li kull min jagħti sehmu fil-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel dan b’sens ta’ dover, rieda tajba u fuq kollox b’onestà.
Fakkar li kienet deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li, qabel ma’ kandidat ġie approvat għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, deher quddiem Kummissjoni, magħmula minn nies tal-affari tagħhom, fejn analizzaw u għamlu ‘due diligence’ ta’ kull kandidat.
“Jidhirli li din il-proċedura għandha tirrepeti ruħha għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit. B’hekk il-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali u wara t-tesserati, jkunu moħħhom mistrieħ li aħna l-kandidati li għalina qed jivvutaw – li potenzjalment aħna Prim Ministru futur, m’għandna xejn fil-professjoni u/jew in-negozju tagħna li jista’ jxekkilna milli nkunu ta’ servizz denju u xieraq għall-PN u għal pajjiżna,” kiteb Chris Said.
Chris Said qal li f’każ li t-tmexxija tal-PN tilqa’ dan is-suġġeriment, jien dispost li npoġġi lili nnifsi quddiem din il-Kummissjoni għall-iskrutinju sħiħ tagħha.
Biex hekk bit-tellieqa għadha tibda diġa’ bdew jitqajjmu d-dubji dwar kemm il-kandidati kollha għandhom il-kredenzjali li kieku jagħmluha mill-Kummissjoni.
Sa issa qalu li qed jikkunsidraw bis-serjeta wkoll, it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione u Ivan Bartolo li ħareġ kandidat fuq id-disa’ distrett u ma kienx elett.