Fl-isfond tal-monument tal-Ħelsien fil-Birgu, il-Ministru Helena Dalli nediet il-kampanja tagħha bit-tema ‘mara magħkom’ għal kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet Parlamenatri tal-Partit Laburista.
Il-Ministru dalli irreferiet għat-38 sena esperjenza ta’ ħidma li għamlet s’issa fil-Partit Laburista u spjegat li 21 sena minnhom għamlithom fi-Parlament. Saħqet li ħadmet fil-Partit Laburista mhux biss fi żmien ta’ glorja iżda anke fi żminijiet diffiċli. Semmiet li tefat ħarsitha fuq din il-kariga wara li anke ġiet imħeġġa mill-Prim Ministru. Saħqet li hi tinsab fuq l-istess paġna ta’ prinċipju li għandu Joseph Muscat u li l-lealtà tagħha tibqa’ lejn it-tmexxija tal-Partit Laburista.
Il-Ministru Dalli semmiet li hi taħdem f’partit u Gvern femminista li issa għandu l-opportunità biex għall-ewwel darba jaħtar mara fil-kariga ta’ deputat mexxej ta’ partit politku kbir. Il-Ministru temmet tgħid li t-tliet kandidati li resqu ‘l quddiem għal din il-kariga huma kollha validi u resqet l-idea li ssaħħaħ il-pont bejn id-delegati u l-politiċi għaliex huma d-delegati nfushom li japprovaw il-programm ta’ ħidma li jressaq partit quddiem l-elettorat.