- “BIT-TLUQ TAR-RENJU UNIT MILL-UE TIŻDIED IL-PRESSJONI GĦAL TEŻORERIJA WAĦDA TAL-EWRO”
“Bit-tluq tar-Renju Unit mill-UE żgur se tiżdied il-pressjoni biex il-pajjiżi kollha tal-UE jidħlu fiż-żona Ewro. Se tiżdied il-pressjoni wkoll għal Teżorerija waħda tal-Ewro u sistema waħda ta’ taxxxi mal-pajjiżi kollha tal-UE. Ċert li l-Gvern Malti se jibqa’ ffokat fuq dawn l-iżviluppi biex jibqa’ jħares l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin fis-setturi ekonomiċi, fit-turiżmu, fis-servizzi finanzjarji, il-qasam edukattiv. It-turiżmu Brittanniku f’Malta wara t-tluq tar-Renju Unit mill-UE jiddependi mill-ekonomija fir-Renju Unit u jista’ jkun hemm sinjali pożittivi oħra fil-qasam tad-Duty free f’Malta. Il-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi mhux se jiġu affettwati ħlief għar-rata tal-kambju bejn l-Isterlina u l-Ewro. Bit-tluq tar-Renju Unit mill-UE, ikun analizzat l-effett fuq l-esportazzjoni. Waħda mill-ewwel effetti tal-BREXIT f’Malta kienet id-deċiżjoni li De La Rue jibqgħu joperaw f’Malta biex ikollhom sieq fl-Unjoni Ewropea. Dan sar fl-istess żmien li l-Gvern Malti ġab lejn Malta il-fabbrika CRANE mill-Istati Uniti.”
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant li kien intervistat minn Karl Stagno Navarra f’Konferenza f’Birżebbuġa dwar ‘Malta u l-BREXIT’
Dr Sant qal li fl-aħħar 20 sena Malta attirat servizzi finanzjarji b’kontribut enormi lill-ekonomija Maltija. Malta, l-Olanda u r-Renju Unit kellhom vuċi b’saħħitha dwar is-servizzi finanzjarji fl-Unjoni Ewropea kontra l-pożizzjoni tal-Ġermanja u Franza li togħrokhom għajnejhom bl-operat tas-servizzi finanzjarji f’dawn il-pajjiżi.
“F’dal-każ Malta se titlef alleat kbir bit-tluq tar-Renju Unit mill-UE li kellha vuċi qawwija favur l-operat tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżhom u f’pajjiżna.”
Malta għandha rabtiet antiki mar-Renju Unit, hemm rabtiet familjari, studenti Maltin jippreferu li jkomplu l-istudji tagħhom fir-Renju Unit, it-Turiżmu Brittaniku jammonta kważi 50%. Malta tgħallmet ħafna mir-Renju Unit biex introduċiet is-servizzi finanzjarji. Xorta waħda fl-aħħar snin id-diverġenza bejn Malta u r-Renju Unit żdiedet peress li Malta, kuntrarjament għar-Renju Unit, qiegħda fiż-żona Ewro u fix-Schengen.
Mistoqsi jirreġixxi għad-dikjarazzjoni ta’ Michel Barnier li jista’ ma jintlaħaqx ftehim bejn l-UE u r-Renju, Dr Sant qal li dan ix-xenarju jista’ jseħħ. Iżda dan idaħħal inċertezzi u kollass fin-negozju bejn l-UE u r-Renju Unit. Fil-Parlament Ewropew għad hemm Membri Parlamentari Ewropej Brittanniċi li għadhom jittamaw li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE. L-Ex Prim Ministru Tony Blair qed jissuġerixxi li jsir Referendum ieħor fir-Renju Unit wara l-għeluq tan-negozjati bejn iż-żewġ naħat. Franza u l-Ġermanja diġa’ qablu li jiżviluppaw proġetti ġodda flimkien mingħajr ir-Renju Unit, li s’issa għadu t-tieni l-akbar ekonomija fl-UE.
“Personalment ma neskludi xejn, iżda r-rankatatura għall-BREXIT għadha hemm.”
Iż-żewġ partiti politiċi kbar fir-Renju Unit jaqblu li r-Referendum dwar BREXIT huwa deċisiv, mentri l-partiti politiċi huma mifrudin dwar in-negozjati tal-BREXIT. L-Unjoni Ewropea ħadet ‘smart position’ fuq in-negozjati tal-BREXIT. L-UE għandha pożizzjoni komuni dwar in-negozjati biex ir-Renju Unit toħroġ mill-UE u dwar ir-rabta li jkun hemm bejn ir-Renju Unit u l-UE. S’issa saret laqgħa waħda bejn ir-Renju Unit u l-UE u l-proċess huwa kkomplikat inkluż dwar l-oqsma tal-immigrazzjoni u l-persuni tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u viċi versa. X’se jiġri minn 3 miljun Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit u minn miljun Brittaniku li jgħixu fl-UE? Il-Gvern Brittanniku ma jridx iġorr aktar piżijiet mill-bqija tal-UE. L-UE qed tinsisti li trid tkun ikkompensata għal impenji finanzjarji tal-lum u tal-futur li r-Renju Unit kien parteċipi fihom bl-obbligi ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji kurrenti u kapitali għall-futur. Qed ikun ikkalkulat li dawn l-impenji jammontaw bejn €60 biljun u €120 biljun, qal Dr Sant.