Il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed il-fjuri quddiem il-monument tal-eks Prim Ministru Paul Boffa fl-okkażjoni tal-127 anniversarju mit-twelid tiegħu.
Pawlu Boffa beda t-traġitt politiku tiegħu meta Malta bdiet titmexxa mill-Maltin stess fl-1921. Sentejn wara, fl-1923, Boffa issieħeb mal-Partit Laburista u rritorna fil-Parlament taħt il-kostituzzjoni magħrufa bħala Amery Milner fl-1924, 1927 u 1932.
Huwa kien elett bħala Mexxej tal-Partit Laburista fl-1927 u immedjatament beda jaħdem biex itejjeb il-qagħda soċjali tal-ħaddiema Maltin u ħadem biex il-ħaddiema jkollhom rappreżentazzjoni fil-Gvern biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar l-affarijiet li jikkonċernawhom.
F’Novembru 1947 huwa sar l-ewwel Prim Ministru Laburista u ħadem fost oħrajn biex il-lingwa Maltija tiġi rikonoxxuta fil-Qrati u fl-introduzzjoni ta’ edukazzjoni primarja obbligatorja u pensjonijiet lill-anzjani.
Huwa miet fid-dar tiegħu f’Ħal Tarxien, fis-6 ta’ Lulju, 1962 fl-età ta’ 72 sena.