Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ikkritika lil Paul Vincenti, Chairman tal-Gift of Life, għall-kummenti “isteriċi” fl-edizzjoni tal-bieraħ tal-Malta Independent fejn qabbel l-embrijuni ffriżżati mal-olokawst.
Il-Ministru Fearne qal li dan huwa mod ta’ kif m’għandniex niddiskutu l-kwistjoni tal-IVF.
“Ikun aħjar li wieħed jiddiskuti l-affarijiet b’mod matur, raġunat u li jagħmel sens għal dawk li huma involuti fiha u li jirrifletti l-avvanzi fid-dinja xjentifika, it-tibdil fis-soċjetà Maltija, u l-liġijiet il-ġodda li għandna.”
Huwa qal “dan huwa l-mod kif irridu niddiskutu it-tibdil fil-liġi tal-IVF biex nagħtu aktar ċans għall-ħajja, li jkollna trabi ġodda, u aktar koppji li b’mod regolat iżda inklussiv jagħtu ħajjiet ġodda.”
Issa li l-gvern għandu l-mandat b’maġġoranza qawwija mill-poplu Malta, fix-xhur li ġejjin, il-Ministru Fearne se jressaq liġi ġdida tal-IVF biex il-fertilità assistita tkun tista’ ssir b’mod aktar inklussiv biex tinqata’ d-diskriminazzjoni bejn mara u mara b’orjentazzjoni sesswali differenti u biex ikunu jistgħu jintużaw l-avvanzi tax-xjenza għall-ġid tal-koppji Maltin u Għawdxin.
Aktar qabel il-ministru ħabbar li sa l-aħħar tas-sena mistennija jitwieldu mill-inqas 35 tarbija oħra permezz tal-IVF – hemm każi ta’ tewmin u każ wieħed ta’ triplets. Sa issa permezz tal-IVF, f’Malta twieldu 75 tarbija.