It-teżorier tal-Vatikan li huwa wieħed mill-iktar figuri kattoliċi importanti fl-Awstralja, il-Kardinal George Pell, ġie akkużat b’offiżi sesswali fl-Awstralja.
Akkużi li huma relatati ma’ dawk li allegatament qed jiġu msejħa mill-Pulizija f’Victoria bħala inċidenti “storiċi”. Allegazzjonijiet li skont il-Pulizija saru minn diversi persuni.
Il-Kardinal, li jaħdem fil-Vatikan u li għandu 76 sena ċaħad dawn l-akkużi u qal li jinsab ħerqan biex il-każ tiegħu jinstema’ fil-Qorti. “Jiena innoċċenti, dawn l-akkużi huma foloz u l-idea ta’ abbuż sesswali għalija hija diżgustanti.”
Huwa lmenta li f’dawn l-aħħar sentejn ta’ investigazzjoni kien suġġett għall-assassinju tal-karattru. Il-Kardinal qal li l-Papa Franġisku aċċetta li għalissa ma jibqax jaqdi d-dmirijiet tiegħu fil-vatikan sakemm jiġġieled dawn l-akkużi fl-awla tal-Qorti.
Bħala Teżorier tal-vatikan, huwa kkunsidrat bħala t-tielet l-aktar uffiċjal importanti fil-Vatikan.
Dawn l-akkużi m’humiex l-ewwel tat-tip tagħhom marbuta mal-Knisja Kattolika dan hekk kif fl-aħħar snin rajna serje ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-qassisin relatati ma’ abbużi sesswali.