Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-AirMalta ilha titlef il-flus għal kważi 10 snin u kienet qed tmut mewta naturali mingħajr ma konna qed nindunaw. Huwa għalhekk li l-Gvern issa jrid jaħdem fuq pjan kummerċjali ta’ tkabbir li jwassalha għal linja li tkun “fit for purpose” għal dan is-seklu.
Meta kien qed iressaq il-mozzjoni biex il-Parlament japprova l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tat-Turiżmu, il-Ministru Mizzi qal li fi ftit żmien se jitkellem mal-unjins, il-ħaddiema, l-Oppożizzjoni u l-medja biex ikun hemm qbil dwar tkabbir li jwassal għal futur sabiħ.
Mizzi qal li l-pjan għall-iżvilupp tar-rotot irid ikun aggressiv, bi prodotti ġodda u bdil fl-organizzazzjoni fejn ċerti funzjonijiet iridu jiċċaqilqu mill-core business. Huwa qal li l-Gvern se jkun fair mal-impjegati iżda dawn iridu jifhmu l-ħtieġa tal-bidla.
Dwar l-istrategic partner, il-Ministru Mizzi qal li importanti li dan jidħol waqra li l-Air Malta ssib saqajha u jkun lest jimxi mal-pjan ta’ tkabbir.
Aktar kmien, il-Ministru Mizzi ħabbar li n-numru ta’ turisti fl-2016 kien 1,965,000 li għamlu 14,900,000 lejl f’Malta u nefqu 1.7 biljun ewro.
Il-Gvern se jniedi liġi ġdida dwar it-turiżmu li toffri simplifikazzjoni għal-liċenzjar, klassifikazzjoni tal-boutique hotels, u attrazzjoni taż-żgħażagħ fl-industrija.
L-MTA u l-Ministeru qed iħarsu lejn tkabbir sostenibbli, ta’ kwalita, mhux staġjonali u mifrux ma’ Malta kollha. Barra minn hekk iridu jieħdu ħsieb l-infrastruttura għax marret lura u trid tissaħħa.
Intant l-eks Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ċaħad allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni li l-Air Malta impjegat ħaddiema fultajm qabel l-elezzjoni. Li daħlu kienu nies temporanji minħabba l-istaġonalità.
L-Oppożizzjoni qalet li l-gvern Laburista ħela erba’ snin fejn tidħol fl-Air Malta. Dr Zammit Lewis qal li xela’ erba’ snin meta t-telf naqas minn €31 miljun fl-2013 għal €16.2 miljun fl-2014 għal €4.2 miljun is-sena l-oħra. L-użu aħjar tal-ajruplani ffrankawlha €2.2 miljun fis-sena. Ir-revizjoni tal-kuntratti tal-IT u l-catering wasslu biex iffrankat 8 miljun ewro.
Huwa qal li huwa fatt li m’hawnx biżżejjed ħaddiema fit-turiżmu u l-gvern qed jaħdem biedx ikun hemm works permits differenti. Hija ħasra li ż-żgħażagħ mhux qed ifittxu l-karriera fl-industrija tat-turiżmu.
L-istaġonalità stabbiliżżat tant li bejn Jannar u April ta’ din is-sena, it-turisti żdiedu bi 23 fil-mija, 88 fil-mija minnhom ġew mill-Ewropa kontra l-biża’ li minħabba Brfexit konna se nitilfu t-turisti mill-Ingilterra u l-Ġermanja.
Kien hemm ukoll bidla fl-etajiet tat-turisti. Malta m’għadhiex attrazzjoni għall-anzjani biss għax 28 fil-mija tat-turist li ġew kienu taħt l-24 sena u 3% bejn il-25 u 44. Issa, qal Zammit Lewis, imiss li nħarsu aktar lejn turisti li jħallu aktar flus