L-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) ippubblikat ir-Rapport Annwali u r-Rapporti Finanzjarji tagħha għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2016. Rapport li juri li l-industrija tal-logħob iġġenerat ftit aktar minn €1 biljun f’termini ta’ valur miżjud gross fl-2016.
Dan jirrappreżenta żieda ta’ 12% fuq l-2015, meta l-industrija kienet diġà żiedet il-valur gross miżjud b’ammont simili. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, l-industrija tallogħob żiedet is-sehem tagħha fl-attività ekonomika għal madwar 11.6% fl-2016.
Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-ħidma mwettqa matul is-sena mill-MGA, li kienu ffukati fuq il-kisba tal-viżjoni tagħha, l-aktar permezz tal-istrateġija ta’ ripożizzjonament u r-reviżjoni ġenerali tal-qafas regolatorju li ser jiġi ppubblikat din is-sena għall-konsultazzjoni.
Barra minn hekk, l-MGA kompliet taħdem fuq programm kontinwu ta’ titjib bil-mira li jissaħħu l-funzjonijiet interni, il-ġestjoni tal-għarfien u leffiċjenza tal-proċessi ewlenin tan-negozju tagħha. Ir-Rapport jagħti ħarsa wkoll lejn l-2017 u l-quddiem, ladarba din hija sena ta’ tranżizzjoni għall-Awtorità u għas-settur tal-logħob, fejn kull xogħol magħmul waqt l-eżerċizzju tar-ripożizzjonament strateġiku ser jilħaq il-milja tiegħu permezz tal-pubblikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv ġdid li jmiss dwar il-logħob.
Dawn huma l-punti ewlenin li joħorġu mir-Rapport Annwali:
– Tul is-sena li qed tiġi analizzata, l-MGA iġġenerat dħul totali ta’ €62.5 miljun meta mqabbel mas-€60.9 miljun fl-2015. Dan jirrappreżenta żieda ta’ €1.6 miljun jew 2.6% fuq is-sena ta’ qabel.
Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni f’taxxi tal-logħob mogħtija lill-Gvern fl-2016 ammontaw għal €56.2 miljun meta mqabbla mal-€55.8 miljun fl-2015. Dan jirrappreżenta żieda ta’ €0.4 miljun jew żieda ta’ 0.7% fuq is-sena ta’ qabel;
– In-numru ta’ liċenzji remoti għal-logħob żdiedu għal 513, li jirrappreżenta żieda ta’ 5% fuq is-sena ta’ qabel;
– L-industrija hija direttament responsabbli għal kważi 6,200 impjieg f’termini ekwivalenti ta’ full-time sa tmiem l-2016, żieda ta’ kważi 1,500 impjieg matul l-2015. Meta wieħed jikkunsidra l-impjiegi indiretti permezz ta’ negozji assoċjati, in-numru jiżdied għal madwar 9,000 impjieg fl-2016;
– Fl-2016, l-Awtorità kompliet il-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju tagħha, li bdiet kmieni fl-2015 u li ser jidħol fis-seħħ fl-2018. Il-qafas il-ġdid għal-liċenzjar ser jimmira b’mod aktar effettiv lejn l-iżvilupp ta’ attivitajiet bejn in-negozji, ser jsaħħaħ l-effiċjenza tal-proċessi regolatorji fl-oqsma kollha ta’ attività, u ser jintroduċi l-flessibiltà meħtieġa biex jissodisfa ddinamiki attwali u futuri f’dawk li huma żviluppi teknoloġiċi, standards ta’ protezzjoni tal-konsumatur u eżiġenzi tas-suq (attwali u futuri);
– L-Awtorità żiedet ukoll l-enfasi tagħha fuq fatturi ta’ suċċess ewlenin għal Malta bħala ġurisdizzjoni permezz ta’ studji relevanti konformi mal-viżjoni tagħha li ssir dejjem aktar organizzazzjoni mmexxija mill-għarfien. Fost l-oqsma analizzati mill-MGA matul l-2016 kien hemm id-disponibbiltà tar-riżorsi u tal-ħiliet umani biex jiġi sostnut l-operat tal-industrija, it-theddid u l-opportunitajiet assoċjati mal-konsum tas-servizzi tal-logħob minn residenti f’Malta, u l-irwol tal-cryptocurrencies f’attivitajiet ta’ logħob;
– Tul is-sena li qed tiġi analizzata, l-MGA kompliet issaħħaħ il-metodoloġiji tagħha ta’ konformità fid-dawl tal-attenzjoni globali ikbar fuq l-industrija tal-logħob. Dan ikkonsista f’kollaborazzjoni aktar b’saħħitha mal-Unità Analitika tal-Intelligence Finanzjarja fir-rigward tal-inizjattivi kontra l-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni tar-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus;
– Fl-2016, l-MGA kompliet bl-iżvilupp tal-programm ta’ sistemi ta’ teknoloġija u ta’ informazzjoni li kien jinkludi l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ Ġestjoni tar-Relazzjonijiet malKlijenti li ser tippermetti lill-Organizzazzjoni ġġestixxi t-talbiet tal-operaturi b’mod aktar effettiv, waqt li tagħti lok li jseħħu interazzjonijiet aktar effiċjenti bejn l-industrija u l-Awtorità; – Matul l-2016, l-Awtorità saħqet fuq infurzar effettiv, inklużżieda sostanzjali fi spezzjonijiet fuq operaturi tradizzjonali u żieda sostanzjali f’kanċellazzjonijiet ta’ liċenzji remoti għal-logħob;
– L-enfasi tal-Awtorità għas-snin li ġejjin ser tkun iffukata fuq it-tisħiħ ta’ mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-konsumatur; it-titjib fl-istandards tal-kwalità fis-setturi kollha tal-logħob; ittitjib fil-governanza u fis-superviżjoni globali tas-settur; l-impenn u l-ħolqien ta’ sħubijiet ma’ ġurisdizzjonijiet, partijiet interessati u regolaturi oħrajn; u l-esplorazzjoni ta’ oqsma ġodda ta’ tkabbir inklużi niċeċ fis-setturi u fl-innovazzjonijiet tal-logħob.
Fl-ippubblikar ta’ dan ir-rapport, Joseph Cuschieri, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob, qal: “Inħossni kburi bil-kisbiet tal-Awtorità matul is-sena li qed tiġi analizzata. Dawn il-kisbiet joħolqu sens qawwi ta’ responsabbiltà għall-Awtorità biex tiżgura tkabbir kontinwu, bla periklu u sostenibbli tal-industrija, f’ambjent globali ta’ sfida. Dan jixprunana wkoll biex nilħqu miri ġodda flethos regolatorju tagħna, fit-tmexxija maħsuba, fl-istandards ta’ regolamentazzjoni u fl-innovazzjoni fl-approċċ tagħna bħala regolatur.”