Ħames siti ta’ Heritage Malta ngħataw ċertifikat ta’ eċċellenza għas-sena 2017 minn TripAdvisor. Din mhux l-ewwel darba li Heritage Malta ngħata dan iċ-ċertifikat fil-fatt din kienet il-ħames sena konsekuttiva.
Dan iċ-ċertifikat li jingħata biss lil dawk l-istabbilimenti li jirċievi kummenti pożittivi fuq dan is-sit, ingħata lil Forti Sant’Anġlu, il-Mużew Marittimu, id-Domvs Romana, il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra u l-Katakombi ta’ San Pawl.
Skont is-sit uffiċjali, www.tripadvisor.com, ‘’ir-rebbieħa taċ-Ċertifikat ta’ Eċċellenza jinsabu madwar id-dinja kollha u jirrappreżentaw l-aqwa negozji u stabbilimenti oħrajn imniżżlin fis-sit u li minnhom l-aqwa għaxra fil-mija biss jingħataw dan iċ-ċertifikat.’’ Dan ifisser li dawn il-ħames siti ta’ Heritage Malta huma kkunsidrati siti ta’ importanza ewlenija minn dawk li jżuruhom.
Biex sit jew negozju jikkwalifika għaċ-Ċertifikat t’Eċċellenza jrid iżomm marki ta’ erbgħa jew iktar minn ħamsa, skont dawk li jibgħatu l-kummenti tagħhom fuq TripAdvisor. Kriterji oħra jinkludu n-numru ta’ kummenti li jintbagħtu matul is-sena inkwistjoni.