Mitejn koppja, li qabel kienu esklużi, iżżewġu minn meta ddaħlet il-liġi tal-unjoni ċivili, kien hemm adozzjoni u hemm proċess biex ħamsa oħra jadottaw. Apparti minn hekk kien hemm 70 persuna li applikaw biex jieħdu l-identità tal-ġeneru tagħhom.
Meta ressqet it-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-żwieġ u liġijiet oħrajn, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, Helena Dalli qalet li din il-liġi hija qabża oħra liberali ’l quddiem u li Gvern Laburista ta l-importanza li ħaqqha u ressaqha fit-tieni seduta.
Hija qalet li d-drittijiet tal-LGBTIQ mhumiex karità għax il-minoranzi ma jistgħux jiġu diskriminati u li din il-liġi se twassal għal qabża kbira fil-kwalità tal-ħajja tagħhom għax jgħixu aktar fil-miftuħ, bla ħabi, mingħajr mistħija u ħadd ma jista’ jibbuljahom. Fejn hekk jgħixu viċin ħajja normali għax kull koppja hija valida u valida indaqs.
Għat-tieni sena konsekuttiva, Malta ġiet ivvutata bħala l-aħjar pajjiż fl-Ewropa fejn jidħlu d-drittijiet tal-LGBTIQ – iżda din is-sena morna aħjar għax kiber id-distakk bejn Malta u l-paijjiżi li ġew warajha.
Dalli kkritikat lill-Partit Nazjzonalista li kemm meta kien fil-Gvern u anke meta kien fl-Oppożizzjoni kaxkar saqajh biex ma jkunx hemm bidliet bl-iskuża li l-poplu ma kienx lest. Kien hemm il-kaz ta’ Joanne Cassar, li Gvern tal-PN baqa’ jipprokrastina anke wara sentenzi tal-Qrati, kien hemm ir-referendum dwar id-divorzju li qalu li kien biss konsultattiv, kien hemm l-unjoni ċivili u talbu studju dwar impatt soċjali biex jaħlu l-ħin u mbagħad astjenew.
Kellu jkun dan il-Gvern Laburista progessiv li f’leġislatura waħda għadda l-liġi tal-koabitazzjoni, li l-PN baqa’ jsemmiha fil-programmi elettorali tal-1998 u ta’ wara u ma ressaqhiex.
Bil-vot tiegħu, l-elettorat fl-2013 u din is-sena qal lill-PN ċar u tond to “Move On!”