Il-kumpanija GO plc ħabbret li ser iżżid is-salarji tal- impjegati kollha tagħha, u se tintroduċi jew ittejjeb għadd ta’ benefiċċji oħra ta’ dawk impjegati magħha. Dawn il-kundizzjonijiet, li jinkludu fost oħrajn titjib fil-proviżjonijiet għal xogħol b’ħinijiet flessibbli u dispożizzjonijiet għal mard fit-tul, kienu formalizzati fi ftehim kollettiv ġdid li GO iffirmat mal-General Workers Union.
Ayrton Caruana, il-Kap tar-Riżorsi Umani ta’ GO plc, qal, “GO hi kburija bil-fatt li tieħu ħsieb l-impjegati tagħha. Dan qed nagħmluh mhux biss billi nħallsu salarji kompettitivi u noffru ambjent eċċellenti u flessibbli fuq ix-xogħol, imma anki permezz ta’ snin ta’ investiment kontinwu fl-iżvilupp tat-talent li biddel il-ħajjiet, u l-futur tan-nies tagħna u tal-klijenti tagħna. It-titjib konsiderevoli li sar f’dawn l-aħħar snin, flimkien ma’ inizjattivi oħra ġodda, li permezz tagħhom proċessi relatati mar-riżorsi umani kienu simplifikati u saru konformi, issa huma inkorporati fiftehim kollettiv ġdid iffirmat mal-GWU.”
David Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU, qal, “GO dejjem kienet organizzazzjoni progressiva, li toffri kundizzjonijiet u opportunitajiet ta’ xogħol tajbin lill-impjegati tagħha. Permezz ta’ dan il-ftehim ġdid, l-impjegati issa ser ikollhom iktar sigurtà u stabbilità, kif ukoll iktar opportunitajiet biex iħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu u determinazzjoni ħalli jiksbu aktar suċċess għalihom infushom u għal GO.”
Il-ftehim kollettiv il-ġdid kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ GO, is-sur Attila Keszég, is-sur Caruana u mis-sur Darmanin. Għal ftehim kien hemm preżenti rappreżentanti mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ GO flimkien ma’ shop stewards tal-GWU li jaħdmu f’timijiet differenti ma’ GO.