- Jgħid li l-PN irid jibdel il-lingwaġġ
- Jimplika li għalqulu ħalqu
L-eks deputat u kandidat tal-Partit Nazzjonalista Michael Asciak iddeċieda li juża Facebook biex jaqsam il-frustrazzjoni tiegħu dwar dak li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista. Qal li kellu jikteb fuq Facebook għax kien mistieden għall-programm fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ filgħodu u għal xi raġuni dan il-programm tħassar ta’ malajr. Għalhekk, qal Asciak, kellu juża l-midja soċjali. Beda biex qal li l-Partit Nazzjonalista għandu joħloq spazji fejn joffri lin-nies il-ħelsien biex jitkellmu. Diskors ta’ xi ħadd li minkejja li kien kandidat iħoss li ma kellux spazju fejn jesprimi l-fehmiet tiegħu. Dwejjaq li esprimewh kandidati oħra li tkellmu dwar kif il-Partit Nazzjonalista kellu l-ispazju kollu għal nies bħal Salvu Malli u Marlene Farrugia, iżda mhux għal min fl-istamperija waqgħetlu żokortu.
Imbagħad, Asciak żied li l-midja tal-Partit Nazzjonalista mhix fi stat tajjeb. “Il-midja tagħna hi diżastru u għandha bżonn attenzjoni urġenti,” qal it-tabib li fl-imgħoddi kien elett mit-tmien distrett. Kien kritiku wkoll għal diskors iebes li sar juża l-Partit Nazzjonalista. Biex nużaw kliemu eżatt kiteb: “The languange of politics has to change especially this hard rough language.” Dan hu appell li ilu jsir fil-Partit Nazzjonalista u saħansitra l-aħħar rapport tat-telfa li kien sar kien poġġa lill-blogger tal-Partit Nazzjonalista, Daphne Caruana Galizia, bħala waħda mir-raġunijiet għat-telfa elettorali tal-PN. Iżda, it-tmexxija tal-PN fl-aħħar snin ħadet direzzjoni totalment opposta għal dak ir-rapport u lil Caruana Galizia għamluha parti mill-istrateġija tal-PN. Titkellem hi u jitkellmu esponenti tal-Partit Nazzjonalista fuq li tgħid hi b’uffiċjali għolja bħal kap innifsu, jew il-Viċi Kap Beppe Fenech Adami jkunu ħorox u aggressivi.
Asciak kiteb ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu jħares lejn kap li mhux bilfors ikun ġej miċ-ċrieki legali u wara li kiteb dan kollu qal: “Ma baqagħlix metodi oħra. Kont ibblokjat mir-radju tal-partit u t-televiżjoni.”
Kien hemm min qallu li dan mhux il-mument li jiktellem fuq il-midja soċjali u t-tabib ma darx mal-lewża. “Kont paċenzjuż. Paċenżjuż ħafna imma meta wieħed ma jitħalliex jitkellem ma jkunx il-partit li naf, dan il-partit ta’ kontra l-libertà.” Żied jgħid li issa l-mument li l-affarijiet joħorġu fid-dieher. “Li tikkritika l-partit fil-miftuħ mhux bilfors xi ħaġa ħażina. Nikkritikah għax irrid partit aħjar,” kompla jgħid Michael Asciak, magħruf bħala attivist kbir fil-Partit Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami fost oħrajn.