Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Gasco Energy l-operatur ewlieni responsabbli mill-ħażna u l-mili tal-Liquified Petroleum Gas (LPG) f’Malta. Grazzi għal dan il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema se jibdew igawdu minn aktar titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-pagi tagħhom. Il-ftehim kollettiv li jkopri t-tliet snin li ġejjin, huwa t-tieni wieħed tax-xorta tiegħu li ntlaħaq qbil fuqu bejn il-GWU u Gasco Energy.
Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU Rita Dimech qalet li dan il-ftehim juri l-apprezzament tal-management għall-ħidma mwettqa mill-ħaddiema tal-kumpanija: “Il-ħaddiema tul dawn l-aħħar snin urew li huma kapaċi li jilqgħu l-isfidi li jiġu quddiemhom u jaħdmu biex jdawru dawn l-istess sfidi f’suċċess għall-kumpanija.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gasco Energy Paul Agius Delicata qal li dan il-ftehim kollettiv kompla jibni fuq il-kundizzjonijiet tajba diġà eżistenti fil-ftehim preċedenti u qed jiggarantixxi li dawn il-kundizzjonijiet ikomplu jissaħħu għas-snin li ġejjin. Huwa rringrazzja lis-Segretarju tat-Taqsima Rita Dimech u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-mod kif tmexxew u saru n-negozjati.
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech, filwaqt li f’isem il-kumpanija ffirma l-Kap Eżekuttiv Paul Agius Delicata. Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll ix-Shopsteward Salvinu Mizzi, l-Assistant Shopsteward Bernard Desira, il-Plant Manager Robert Bonavia u ċ-Chief Financial Officer tal-kumpanija Stephen Muscat.