- L-MEP Miriam Dalli żżur il-Multisensory Room tal-Iskola Primarja tal-Fgura
‘Il-futur tat-tfal jiddependi fuq l-iskejjel tagħna, u għalhekk l-edukazzjoni li noffru trid dejjem tieħu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet differenti ta’ kull tifel u tifla biex kulħadd jimxi ‘l quddiem’. Qalet dan l-MEPMiriam Dalli waqt żjara li għamlet fl-iskola primarja tal-Fgura. Fl-aħħar ġimgħat din l-iskola fetħet multisensory room ġdida bi programm ta’ tagħlim alternattiv għal studenti b’kundizzjonijiet bħall-Awtiżmu.
Miriam Dalli faħret l-inizjattiva ta’ din l-iskola u l-entużjażmu tal-għalliema li jagħmlu minn kollox biex joffru ambjent sabiħ għat-tfal fl-iskola. ‘Pożittiv ħafna li tara skejjel b’inizjattivi apposta li jindiriżżaw il-ħtiġijiet differenti tat-tfal. It-tfal mhux kollha għandhom l-istess ritmu u mhux kollha jitgħalmu bl-istess mod, u dawn il-programmi speċifiċi, b’għalliema mħarrġa u klassijiet armati apposta jgħinu lil kull tifel u tifla timxi ‘l quddiem skond il-pass tagħhom,’ sostniet l-MEP Maltija.
Dr Dalli faħħret l-impenn tal- awtoritajiet konċernati, u ħeġġet biex f’din il-leġislatura l-ġdida jkomplu jittieħdu aktar inizjattivi simili li jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li diġa sar fl-aħħar snin.
‘Hawn fejn tidħol l-ekwità, fejn irrelevanti mill-livelli u diffikultajiet tal-istudenti, l-iskola tkun għodda biex kulħadd jagħmel suċċess. Suċċess mhux biss b’mod akkademiku, imma wkoll personali, fejn l-istudenti jitghallmu ħiliet u abiltajiet li jgħinuhom jgħixu ħajja ahjar,’ irrimarkat Miriam Dalli.
Miriam Dalli kienet akkumpanjata mill-Kap tal-Iskola Kristina Vella, mill-Prinċipal tal-Kulleġġ George Psaila u mill-Koordinatur Josanne Ghirxi.
Fl-aħħar snin, Dr Dalli kienet minn ta’ quddiem biex issemma l-vuċi ta’ ġenituri b’studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim, fosthom Awtiżmu, ADHD u Dyslexia. Din il-kampanja t’għarfien flimkien ma’ persuni oħra wasslet biex f’Marzu li għaddha l-Università aġġornat ir-rekwiżiti tagħha b’tali mod li filwaqt li tassigura l-ogħla livell tirrifletti il-ħtiġijiet ta’ dawn l-istudenti.