Illum kien jum ta’ records għall-korp tal-Pulizija hekk kif inħatru l-ikbar numru ta’ Assistenti Kummissarji li nħatru flimkien fil-waqt li fosthom kien hemm l-ewwel mara li laħqet wieħed mill-aqwa gradi tal-korp.
Il-kummissarju tal-korp, Lawrence Cutajar, saħaq li dan huwa parti mill-avvanzi kbar li qed jagħmel il-korp biex issa f’kull distrett ikollna erba’ Assistenti Kummissarji. Il-Kummissarju saħaq fuq l-importanza li l-pulizija dejjem iżomm kuntatt man-nies, biex ikun jaf kif dejjem kif jista jaqdi dmiru aħjar.
Il-ministru Michael Farrugia ħa l-opportunità biex jispjega l-viżjoni tiegħu għall-korp. Il-korp issa se jkun qed jiddiskuti flimkien ma’ entitajiet oħra l-problemi tat-traffiku filwaqt li se jkompli jaħdem fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità. Il-Ministru temm jgħid li hu se jkun qed imexxi u jħares lejn il-korp mill-perspettiva tan-nies.