Il-Partit Demokratiku ħareġ jikkundanna deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li lanqas biss ittieħdet.
Fi stqarrija l-partit demokratiku qal li l-Prim Ministru kellu jiddeplora l-permess li ngħata għal Dar tal-Anzjani bejn il-Għargħur u n-Naxxar inqas minn xahar wara l-elezzjoni ġenerali u dan għax il-permess ingħatat f’żona barra mill-iżvilupp. Iżda, sa issa ma ħareġ ebda permess.
Dan għax meta l-applikazzjoni li qed issir referenza għaliha telgħet quddiem il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tul il-jum tal-Ħamis din kienet posposta u mhux approvata kif qalu tal-Partit Demokratiku.
L-iżvilupp propost jitlob għall-permess biex tinbena dar tal-anzjani b’mitejn erbgħa u teltin sodda fuq erbat elef u sitt mitt metru kwadru ta’ art. Fost oħrajn l-applikazzjoni titlob li jitwaqqa bini abbandunat biexissir din il-binja fuq tliet sulari. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi oġġezzjonat għal dan l-iżvilupp.
Fl-aħħar xhur l-iżvilupp f’ODZ kien dejjem wieħed kontroversjali u fil-manifest elettorali tiegħu l-Partit Laburista wiegħed li Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat ikun kommess li ma jsir ebda proġett pubbliku maġġuri barra miż-żona ta’ żvilupp.